Internazzjonali

L-elezzjoni fil-Polonja: L-Unjoni Ewropea sodisfatta bis-suċċess ta’ Tusk u l-entitajiet politiċi taċ-ċentru

Il-Polonja tidher riesqa lejn theżżiża politika wara li l-Grupp Ċiviku tal-eks Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk,  kiseb riżultati tajbin fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd u  fejn jidher li għandu opportunità tajba biex jifforma Gvern ġdid ta’ koalizzjoni f’Varsavja.

Dan meta qed jidher anqas probabbli li l-Partit Pis għal-Liġi u Ġustizzja – li ilu jmexxi lill-Polonja għall-aħħar tmien snin – għandu jirbaħ tielet mandat ta’ poter eżekuttiv wara li tilef il-maġġoranza u minkejja li kiseb l-akbar numru ta’ siġġijiet. L-elezzjoni, fil-fatt, tidher li deċidiet id-direzzjoni tal-Polonja li ilha s-snin għaddejja bid-diżgwid mal-Unjoni Ewropea dwar numru ta’ issues.

L-exit polls urew li l-PiS x’aktarx li rebaħ 36 fil-mija tal-vot kontra l-31 fil-mija għall-entitajiet politiċi taċ-ċentru li ilhom l-aħħar snin fl-Oppożizzjoni.

Donald Tusk — il-Kap tal-Koalizzjoni Ċivika u li għal żmien serva bħala l-President tal-Kunsill Ewropew u President tal-Partit Popolari Ewropew – jinsab eqreb li jaqleb il-paġna għal pajjiżu. Dan meta l-partit tiegħu għandu ċans tajjeb li jifforma koalizzjoni ta’ tmexxija ġdida flimkien mal-Partit tat-Tielet Direzzjoni taċ-ċentru-lemin u l-Partit Lewica tax-xellug.

Min-naħa tiegħu, Jaroslaw Kaczynski, il-Kap tal-PiS fil-Gvern u li hu wkoll il-Viċi-Prim Ministru Pollakk, ammetta li ma kienx jaf jekk l-elezzjoni tistax tissarraf f’mandat ġdid għall-PiS. Dan meta l-vantaġġ inizjali kien jirrifletti biss ir-riżultati mill-ibliet iż-żgħar u l-villaġġi li huma fortizzi tal-partit fil-Gvern.

Fil-fatt, Donald Tusk deher ferħan ħafna wara li ħarġu l-ewwel indikazzjonijiet mill-elezzjoni u fejn indirizza folla kbira ta’ partitarji waqt avveniment simili għal rally tar-rebħa f’Varsavja. Tusk sostna li ‘ir-riżultat elettorali qed jindika rebħa għall-Polonja u d-demokrazija wara li l-pajjiż kien wasal f’salib it-toroq’…Sitwazzjoni dovuta, partikularment, għat-tmexxija awtokratika tal-PiS.

Il-konkorrenza tal-Pollakki li ħarġu jivvutaw fl-elezzjoni tal-Ħadd kienet mas-73 fil-mija li hi l-akbar konkorrenza ta’ votanti mindu l-Polonja ħarġet mill-morsa tal-komuniżmu fl-1989 Sadanittant, l-osservaturi qablu li l-proporzjon ta’ votanti bejn it-18 u d-29 sena kien akbar minn tal-votanti ta’ ‘il fuq minn 60 sena u li wkoll jawgura tajjeb għall-futur tal-pajjiż fl-UE.

Kull partit Pollakk kien jeħtieġ li jirbaħ 231 siġġu għal maġġoranza fis-Sejm jew Parlament u l-probabbiltà hi żgħira li l-PiS jidħol f’alleanza mal-Partit tal-Konfederazzjoni tal-lemin estrem li mar ħażin ħafna fl-elezzjoni.

Il-kampanja ta’ Kaczynski bażata fuq iż-żebligħ tal-UE tidher li qanqlet reazzjoni furjuża mill-votanti żgħażagħ li fil-parti kbira rifjutaw il-messaġġ tal-PiS li l-Polonja saret ‘il-pupazz tal-Unjoni u tal-Ġermanja’

Dan waqt li Donald Tusk fisser il-vot tal-Ħadd bħala l-aktar wieħed importanti għall-Pollakki mit-tmiem tal-komuniżmu – u li jaffettwa wkoll ir-rwol tal-Polonja fl-UE. Fl-istess ħin, Tusk wiegħed li se jimpenja ruħu biex itejjeb ir-relazzjonijiet ma’ Brussell u jikseb għal pajjiżu l-biljuni tal-ewro bħala recovery funds ta’ wara l-pandemija…Fondi li l-UE kienet iffriżat lill-Polonja minħabba l-politika awtokratika u intolleranti tal-Gvern immexxi mill-PiS.