Lokali Qorti

Raġel miċħud il-ħelsien mill-arrest wara allegat involviment f’serq f’ristorant ġewwa l-Fgura

Raġel minn Ħaż-Żabbar inżamm arrestat it-Tnejn wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ serqa fil-mira ta’ ristorant fil-Fgura. Quf Jehiel Falzon ta’ 30 sena deher quddiem il-maġistrat Abigail Critien, akkużat b’serq aggravat bil-mezz u l-ħin, kif ukoll li kkawża ħsara lill-ħanut inkwistjoni u li sar reċediv.

L-akkużi huma relatati ma’ sgass matul il-lejl bejn it-12 u t-13 ta’ Ottubru, li fih insterqu €2,400 mill-cash register. Il-Pulizija kienet arrestat lil Falzon wara li identifikatu minn filmati tas-CCTV mill-ħanut inkwistjoni. Falzon, li għandu numru ta’ kundanni preċedenti għal serq, li jmorru lura għall-2013, wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

L-avukat tiegħu, Joe Brincat, talab il-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-imputat kien ikkopera mal-pulizija, sal-punt li mar l-għassa hu stess meta sar jaf li l-pulizija kienu qed ifittxuh. Dr. Brincat sostna li ma kien hemm ebda raġuni biex Fazlon jinżamm taħt arrest preventiv u kkontesta l-ammont misruq, li qal kien ta’ €360, u mhux l-€2,000 li qed jiġu allegati.

L-Ispettur tal-Pulizija Gabriel Kitcher, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-avukat Dejan Darmanin mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, informa lill-Qorti li għalkemm Falzon kien ikkopera mal-pulizija, ir-raġuni wara s-serqa kienet “każ pjuttost serju ta’ abbuż tal-cannabis sintetiku”.

Ir-raġel kellu problema persistenti ta’ abbuż tad-droga, spjega l-ispettur tal-pulizija, waqt li qal lill-Qorti li ftit kien hemm prospett li l-imputat ma jwettaqx reat ieħor jekk jinħeles fuq garanzija. Dr. Brincat irribatta li l-leġiżlatur illum enfasizza t-trattament, mhux il-kastig.

Filwaqt li nnutat li xhieda ċivili għad iridu jagħtu x-xhieda, il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, filwaqt li rrimarkat li r-rekord kriminali tiegħu ma jispirax fiduċja li kien se jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-pleġġ li setgħet timponi.