Lokali Qorti

Raġel ta’ 34 sena jinżamm arrestat wara l-qtil doppju li seħħ il-Ħadd li għadda fil-Marsa

Ir-raġel issuspettat bil-qtil makabru ta’ Joe Bartolo ta’ 73 sena u s-sieħba tiegħu Carmen Abela ta’ 56 sena, li seħħ il-Ħadd li għadda, tressaq il-Qorti għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, akkużat b’omiċidju doppju fost l-oħrajn.

Iddrisu Fajsal ta’ 34 sena residenti l-Marsa, qed jinżamm arrestat wara li l-Ħadd allegatament ħebb u qatel żewġ persuni f’argument f’razzett fil-Marsa. Il-każ seħħ f’razzett fl-inħawi ta’ Triq it-Tiġrija, fejn instegħmet kommossjoni sħiħa. ż

Hekk kif il-Pulizija waslu fuq il-post sabu mara ta’ 56 sena, u raġel ta’ 73 sena mixħutin mal-art f’kamra, mitlufin minn sensihom u bi ġrieħi gravi kkawzati minn imqass li jintuża bħala għodda. Huwa rrapurtat li Joe Bartolo, kien allegatament aggredit minn Iddrisu, u sfortunatament inqatel fil-post.

Hu rrapurtat ukoll li Carmen Abela, ma kinitx involuta direttament fl-argument, iżda hi rat ix-xena quddiemha u nħakment minn paniku, kien hawnhekk li l-aggressur allegatament ħebb għaliha wkoll. L-allegat aggressur jinsab mixli wkoll b’attentat ta’ qtil ta’ mara Niġerjana, Queen Ogbommaya, li kienet preżenti waqt l-argument bejn il-vittmi u l-akkużat.

Hu jinsab mixli li weġġa’ ħafif lil raġel ieħor Niġerjan li kien preżenti waqt l-argument, kif ukoll lil kuntistabbli tal-pulizija. Dan filwaqt li Fajsal hu akkużat li rreżista l-arrest u li għamel ħsara fil-bieb ta’ barra tar-razzett.

Fil-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Abigail Critien l-avukat tal-għajnuna legali, Joe Brincat talab sabiex is-seduta ssir bil-lingwa Ingliża, dan għaliex l-akkużat ma jifhimx bil-lingwa Maltija, il-Qorti laqgħet din it-talba.

Iddrisu Fajsal qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. F’dan l-istadju ma saritx talba biex jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni talbet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tax-xhieda li għadhom iridu jidhru quddiem l-Qorti, fosthom qraba tal-vittmi li kienu preżenti fil-Qorti. Il-Maġistrat laqgħet din it-talba.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Pulizija mill-iskwadra tal-omiċidji u tad-distrett. L-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru parte civili filwaqt li d-difiża qed tkun immexxija mill-avukat tal-għajnuna legali, Joe Brincat.

L-Avukati Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden rrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala prosekuturi filwaqt li l-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri li kienu l-investigaturi ewlenin fil-każ rrappreżentaw lill-Korp tal-Pulizija u li wkoll kienu jagħmlu parti mill-prosekuzzjoni.