Lokali

Sitt snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

16 ta’ Ottubru, 2017. 6 snin ilu inqatlet f’karozza bomba quddiem id-dar tagħha fil-Bidnija, Daphne Caruana Galizia. Bint, oħt, omm, ħabiba, kollega, ċittadina Maltija – li ħalset qares b’ħajjitha minħabba x-xogħol li kienet tagħmel b’integrità sabiex il-verità toħroġ. L-unika arma li kellha f’idejha…kienet il-pinna.

Kien mat-tokki tat-tlieta ta’ waranofsinhar, meta messaġġ li ntbgħat minn fuq dgħajsa ftit ‘il barra mill-Port il-Kbir, wassal biex splodiet il-bomba li hasdet ħajjet il-ġurnalista ta’ 53 sena; bomba li heżżet nazzjon u ħolqot katastrofi fil-kuriduri ta’ Kastilja.

B’rabta ma’ dan il-każ diġà ġew ikkundannati 3 persuni – l-eżekuturi li kellhom sehem dirett biex inqatlet Daphne Caruana Galizia; dawk li waħlu u splodew il-bomba qerrieda.

Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu ngħata sentenza ta’ 15-il sena priġunerija wara li fi Frar tal-2021 ammetta l-involviment tiegħu u għen ukoll lil Pulizija fl-investigazzjoni kif ukoll investigazzjonijiet separati. Dan filwaqt li s-sena li għaddiet l-Aħwa Degiorgio Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu u George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż – ammettew il-ħtija tagħhom u ġew ikkundannati għal 40 sena kull wieħed.

F’Novembru tal-2019 kien ġie arrestat Melvin Theuma, l-allegat middleman fil-każ li wassal għal żblokk importanti fejn sussegwentament l-Pulizija arrestaw lin-negozjant Yorgen Fenech akkużat bil-kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Intant, il-poplu għadu qed jappella għal ġustizzja sħiħa; waħda li ma tafx uċuħ.