Lokali

Titfakar il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia

Silenzu fil-Bidnija. Memorji ta’ dik il-ġurnata kerha, li tibqa’ marka sewda fl-istorja ta’ pajjiżna.

Avveniment li ħa l-forma ta’ silent gathering fil-Bidnija – fil-post fejn inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia b’karozza bomba ftit metri l-bogħod mir-residenża tagħha.

Preżenti għal dan l-avveniment mtella’ minn Repubblika, Occupy Justice u manueldelia.com kien hemm it-tliet itfal tagħha – Matthew, Andrew, and Paul, bosta qraba oħra u ħbieb – illi sellmu l-memorja tal-ġurnalista f’għeluq is-sitt snin mill-assassinju li xxokkja pajjiż.

Waqt dan l-avveniment fejn preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u l-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut,  saret tpinġija tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, filwaqt li nqraw siltiet mill-blog tagħha, bħala messaġġ li għalkemm ilha mejta sitt snin, il-kelma tagħha għal ġustizzja u l-verità tibqa ħajja u ma taħfer l-ebda inġustizzja.

Waqt dan l-avveniment tpoġġew ukoll bosta bukketti ta’ fjuri fil-post fejn instabet il-karozza tal-ġurnalista, ftit ħin wara d-delitt.

Kien mat-tokki tat-tlieta ta’ waranofsinhar, meta messaġġ li ntbgħat minn fuq dgħajsa ftit ‘il barra mill-Port il-Kbir, wassal biex splodiet il-bomba li hasdet ħajjet il-ġurnalista fl-eta ta’ 53 sena; bomba li heżżet nazzjon u ħolqot katastrofi fil-kuriduri ta’ Kastilja.

B’rabta ma’ dan il-każ diġà ġew ikkundannati 3 persuni – Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu ngħata sentenza ta’ 15-il sena priġunerija wara li fi Frar tal-2021 ammetta l-involviment tiegħu. Dan filwaqt li s-sena li għaddiet l-aħwa Degiorgio ammettew il-ħtija tagħhom u ġew ikkundannati 40 sena kull wieħed.

Il-każ xorta għadu wieħed miftuħ beraħ; u sal-lum…għadha ma saritx ġustizzja sħiħa. Bid-dubji jibqgħu kbar, speċjalment dwar min kienu l-imħuħ wara dan l-assassinju.