Ir-raġel li allegatament qala daqqa ta’ ħadida minn sewwieq ta’ ‘tow truck’ li kien imblokka l-garaxx tiegħu ddeskriva l-inċident mill-pedana tax-xhieda fil-Qorti. Il-Maġistrat Ian Farrugia sema’ x-xhieda hekk kif it-Tnejn kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Leonvic Fenech ta’ 23 sena minn Santa Venera.
Fenech jinsab mixli bi ġrieħi gravi kif ukoll b’sewqan perikoluż, wara li allegatament ipprova jirriversja fuq il-vittma. Ir-raġel ferut qal lill-Qorti kif fis-7 ta’ Ottubru fis-7am ma setax jipparkja l-karozza tiegħu fil-garaxx, minħabba li d-daħla kienet imblukkata minn ‘tow truck’ ipparkjat.
Din kienet xi ħaġa li tiġri regolari, huwa qal, u għalhekk kien idoqq il-qanpiena tal-bieb fi proprjetà fil-qrib biex jistaqsi jekk sid il-vettura kienx hemm u jekk setax immexiha. Qal li l-imputat kien fetaħ il-bieb u qallu – jien ma nafx.
Meta l-vittma insista, Fenech kien wieġeb “ħallini kwiet waħdi biex inkun nista’ norqod,” u mbuttah barra mill-bieb biż-żewġ idejn, qabel attakkah b’ħadida li normalment tintuża biex ittella l-‘hydraulic jack’ tal-karozza tiegħu.
Żewġt irġiel li kienu għaddejjin minn hemm ippruvaw jikkalmaw lil Fenech, qal ix-xhud, iżda għalxejn. Fenech laqat lir-raġel fuq koxxa tal-lemin, u kkaġunalu ferita li aktar tard ġiet ikklassifikata bħala gravi. Hekk kif inġabret folla żgħira, Fenech kien tela’ fit-trakk tal-irmonk u telaq, biex ftit wara rriversja u pprova jsuq lejn il-vittma, li qal lill-Qorti li kien sfurzat jaqbeż għal ġewwa bieb biex jevita li jaqla’ daqqa.
Il-pulizija kienet waslet ftit wara u arrestat lil Fenech. Fi tmiem ix-xhieda tiegħu, il-vittma qal lill-qorti li ma kienx qed ifittex xi forma ta’ tpattija u ried li jkollu relazzjoni tajba mal-imputat. Waqt is-seduta l-Maġistrat Ian Farrugia ddetta nota biex jirreġistra li kien irċieva telefonata qabel is-seduta mingħand wieħed mill-familjari tal-imputat, eks klijent tiegħu fi żmienu bħala avukat prattikant.
Il-maġistrat qatalu hekk kif induna min kien qed iċempel. Huwa ċanfar lill-mara, Rita Briffa, talli għamlet hekk. Briffa, li kien preżenti għas-seduta, talab apoloġija lill-Qorti. Rappreżentanti għall-prosekuzzjoni, d-difiża u parte civile għamlu nota verbali konġunta fejn affermaw “l-akbar fiduċja” tagħhom fl-integrità tal-Maġistrat u qalu li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni li hu jkompli jisma’ l-każ.
Fi tmiem is-seduta, Fenech ingħata l-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €2,000, u ġie ordnat ukoll jiffirma l-bail book tiegħu kull ġimgħa. L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mexxiet il-Prosekuzzjoni, assistita mill-Prosekutur Rebekah Spiteri. L-avukati Ishmael Psaila u Roberto Spiteri huma l-avukati difensuri. L-Avukat Franco Debono qed jidher parte civile għall-allegat vittma.