Rapporti qed jindikaw illi fl-aħħar sigħat kien hemm qbil li jkun hemm perijodu ta’ waqfien mill-ġlied fin-naħa t’isfel tal-Medda ta’ Gaza sabiex tinfetaħ mill-ġdid il-fruntiera ta’ Rafah.
Skont il-media internazzjonali, il-ftuħ tal-fruntiera se jestendi għal 24 siegħa – għalkemm il-Gvern tal-Istati Uniti għadu ma kkonfermax din l-aħbar. Il-Hamas minn naħa tagħhom qed jgħidu li ma jafu xejn dwar dan il-waqfien mill-ġlied.
Il-ftuħ ta’ Rafah jaf jagħti nifs għas-sitwazzjoni iddisprata li jinsabu fiha l-Palestinjani maqbuda fil-Medda ta’ Gaza. Dan hekk kif fl-aħħar jumejn kien hemm eżidu sħiħ ta’ miljun persuna lejn in-naħa t’isfel ta’ Gaza, fejn il-provvisti kważi spiċċaw kompletament.
Hemm ukoll tħassib għall-fatt li l-isptarijiet fiz-zona dalwaqt jispiċċaw mingħajr fuel; b’riskju għal eluf ta’ pazjenti u nies oħra li sfaw feruti f’dan il-kunflitt li eskala aktar kmieni dan ix-xahar.
//= $special ?>