Lokali Qorti

Anzjan imbeżża’ minn ibnu li jieħu d-droga u jispiċċa jheddu

Anzjan ta’ 77 sena kellu jixhed kontra fil-konfront ibnu Johann Sciberras li s-sena li ġie kundannat sentejn ħabs wara li nstab ħati li ffastidja u kkaġuna biża’ lill-ex sieħba tiegħu. Anthony Sciberras, anzjan ta’ 77 sena xehed li ilu jħallas il-pleġġ lil ibnu għal bosta snin.

Xehed li fl-10 ta’ Ottubru li għadda hu kien mar għalih għax-xogħol u meta kienu ġejjin lura, qal lill-ibnu li rċieva ittra għall-qorti mingħand l-uffiċjal tal-probation. Xehed li għal xejn b’xejn – f’nofs ta’ triq qabad jiġġieled miegħu u qallu li kienu huma li rrapportawh biex jarrestawh.

Il-problemi eskalaw u tenna li ibnu mar d-dar tiegħu u qabad ikisser, qabadlu n-nuċċali u kissirulu. Qal “Intom tridu titfawni l-ħabs biex toqogħdu kwieti u beda jgħajjarni. Seraqli l-ġiżirana tad-deheb li kelli u li kienet rikordju ta’ missieri.

“L-unika darba li neħħejtha f’55 sena biex immur nagħmel l-MRI”, xehed l-anzjan imbikkem waqt li sostna li dakinhar ħassu mwerwer minn ibnu. Xehed ukoll li l-ġiżirana neħħiha biss għax kellu l-appuntament u ntebaħ li ħadhielu malli mar jagħmel tazza kafe.

L-anzjan qal li talbu jgħidlu fejn kienet biex imur għaliha u l-istess qalulu ħutu.  Madankollu fil-preżenza tal-pulizija, ibnu qallu “dik ġibt prezz tajjeb tagħha”. Kompla jgħid li ibnu qallu li lilu ma jaħmlux għax iżommlu u jimxi fuq il-pariri tal-Caritas.

Sadanittant lil mara ma jheddidhiex għax tagħtih €15 kuljum biex imur jieħu d-droga. Tenna li jinsab imwerwer għax ibnu dejjem jgħidlu li jekk iċempel lill-pulizija, jibqa’ jagħtih sa ma joqtlu. Huwa qal lill-Maġistrat Astrid May Grima;

“Ġejna kemm-il darba l-Qorti. Ħfirtlu u ħallastlu l-pleġġ imma issa ma jistax ikun għax jien u marti imwerwrin minnu”. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Ian Vella u Sharona Buhagiar.