Ivan Castillo, PN
Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista bla biża’ u simbolu ta’ tama fejn il-wirt tagħha jservi bħala simbolu tal-libertà tal-istampa.
Dan sostnih id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-parlament.
Ivan Castillo qal li Daphne Caruana Galizia kienet impenjata għall-verità u saret vuċi għal-libertà tal-espressjoni u vuċi għal dawk bla vuċi.
Hu qal li x-xogol ta’ Daphne Caruana Galizia kien wieħed fuq livell internazzjonali fejn bil-kitba tagħha żammet in-nies fil-poter responabbli. Hi kienet favur il-prinċipji tad-demokrazija u wżat il-ġurnaliżmu biex tikxef il-verità.
Id-deputat nazzjonalista qal li x-xogħol ta’ Daphne kien ta’ riskju, theddid u intimidazzjoni iżda rrifjutat li tkun imsikkta. Hu kompla li l-wirt ta’ Daphne jgħix f’dawk li jammirawha u fin-nies li misset f’xogħlha.
Ivan Castillo qal li l-ġlieda għal-liberta tal-istampa trid titkompla flimkien mal-ġlieda għad-dritt taċ-ċittadini li jkolhom dritt għall-informazzjoni biex is-sagrifiċċju tagħha ma jkunx għalxejn.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ġurnalisti u l-libertà tal-istampa għandhom ikunu msaħħa u għalhekk il-parlament għandu jaħdem biex il-ġurnaliżmu investigattiv jista’ jitwettaq. Hu qal li l-PN ippropona kumitat parlamentari dwar il-ġurnaliżmu għaliex jemmen fil-libertà tal-espressjoni u li l-verità għandha dejjem rebbieħa.