Internazzjonali

Gaza: Il-kriżi umana tiggrava fost l-istennija għall-invażjoni tal-Iżraeljani

L-assoċjazzjonijiet ta’ fejda u osservaturi oħra fil-periferiji ta’ Gaza qablu li l-kriżi umanitarja għall-Palestinjani fit-territorju qalbet sew għall-agħar, tant li huma jinsabu viċin ‘katastrofi storika’.

Is-sitwazzjoni għal dawn ir-residenti qed issir dejjem aktar akuta meta l-Palestinjani qed jaħarbu mill-inħawi ta’ Gaza markati għall-offensiva imminenti mill-qawwiet ta’ Iżrael…Offensiva li għandha ssir bħala ritaljazzjoni qawwija għall-qtil tal-mijiet ta’ familji f’darhom waqt l-invażjoni (fis-7 ta’Ottubru) ta’ Iżrael mit-terroristi tal-grupp Ħamas.

Fl-aħħar sigħat, mijiet tal-eluf ta’refuġjati interni waslu f’Khan Younis, fin-naħa t’isfel ta’ Gaza. Dan wara li huma kienu mwissija minn Iżrael biex jitilqu miz-zoni tat-Tramuntana ta’ Gaza li mistennija jġarrbu dalwaqt il-qilla tal-attakki mis-suldati u ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael.

In-Nazzjonijiet Uniti u l-entitajiet għall-ħarsien tad-drittijiet umani komplew jappellaw biex Iżrael ma jibqax intransiġenti quddiem it-tbatija taċ-ċivili f’Gaza. Dan meta n-nies spiċċaw jorqdu litteralment fit-toroq fost rapporti li qed jissugraw l-epidemiji tal-mard minħabba n-nuqqas tal-ikel nadif fl-inħawi.

Hu minnu li Iżrael ilu jżomm  it-trasport tal-ikel, ilma, fuel u elettriku lejn Gaza mindu tal-Ħamas wettqu l-massakri taċ-ċivili Iżraeljani fil-bidu tax-xahar.

Iżda waqt li Iżrael qed iħejji l-ewwel fażijiet tal-invażjoni ta’ Gaza, il-militar tiegħu ċaħad li Gaza għaddejja tassew minn kriżi umanitarja fost akkużi li l-Ħamas qed jiċċirkulaw propaganda qattiela ‘biex jidhru huma bħala l-vittmi’.

Fil-fatt, l-uffiċjali Iżraeljani komplew jinsistu li r-residenti ta’ Gaza għandhom ammonti adekwati ta’ ilma u elettriku, Dan waqt li Iżrael kien qed jistenna l-wasla tal-President tal-Istati Uniti, Joe Biden,  li qed ikun  aġġornat kontinwament dwar il-pjani għall-offensiva fuq il-Ħamas.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, fl-aħħar sigħat ukoll kien qed jivvjaġġa lejn Iżrael u fejn stqarr il-ħtieġa għal djalogu  kontinwu biex il-konflitt bejn il-Ħamas u l-Iżraeljani ma jeskalax sal-punt fejn jinkludi anki lill-Iran, il-militanti Iżlamiċi tal-Hezbollah fil-Libanu u s-Sirja.

Fl-istess ħin Scholz, waqt konferenza f’Berlin, esprima solidarjetà ma’ Iżrael wara li l-pajjiż sofra l-akbar attakk terroristiku mindu twaqqaf l-Istat fl-1948.