Iċ-Chairman tal-Enemalta l-Inġinier Ryan Fava ikkonferma quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li l-ħlas tat-taxxa tas-sisa u d-dazju fuq il-power station tal-Electrogas qed isiru mill-Enemalta u mhux mill-konsorzju innfisu.
Din id-dikjarazzjoni tikkontradixxi dikjarazzjoni li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien għamel meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Darren Carabott li fiha l-Ministru Caruana kien qal il-kuntrarju ta’ dak li kkonferma ċ-Chairman tal-Enemalta u sostna li t-taxxa qed titħallas mill-Enemalta.
L-Inġinier Fava kien l-uniku xhud li llum xehed quddiem il-PAC f’seduta oħra dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.
Il-PAC kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Robert Cutajar u Graham Bencini.
Għall-gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Andy Ellul, il-Ministru Clayton Bartolo u d-deputati Laburisti Glenn Bedingfield u Alex Muscat.
Iċ-Chairman tal-Enemalta l-Inġinier Ryan Fava ma kienx involut fil-proċessi tal-power station tal-Electrogas u għalhekk ma kienx mistoqsi dwar il-mod kif ingħataw il-kuntratt.
Għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Darren Carabott, l-Inġinier Fava qal li t-taxxa tas-sisa u d-dazju qed titħallas mill-Enemalta u mhux mill-Electrogas. Fi Frar 2023, il-Ministru tal-Finanzi kien qal fil-parlament li t-taxxa tas-sisa u d-dazju qed titħallas mill-Electrogas.
Il-kumitat aġġorna għall-ġimgħa d-dieħla.