Lokali

“Il-BCA kienet responsabbli mill-binja li ġġarfet f’Kordin” – Michael Ferry

Xhieda li tgiddeb għal kollox lill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni.

Hekk kif it-Tlieta filgħodu ssoktat l-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt taż-żgħażugħ Jean Paul Sofia xehed Michael Ferry – espert fil-qasam u eks regolatur fis-settur tal-kostruzzjoni fejn saħaq li binjiet free-standing jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-BCA; binjiet bħal dik li ġġarfet f’Kordin f’Diċembru li għadda.

Dak li qal Ferry huwa kuntrastanti għall-aħħar mad-dikjarazzjonijiet li għamlu l-uffiċjali tal-BCA ċioè li l-awtorità ma kellha ebda responsabbiltà fuq dan is-sit…għaliex skont huma…ma kienux jimpattu persuni terzi.

Michael Ferry kien imexxi l-BRO, l-Uffiċju tar-Regolatur tal-Bini…dik li llum hija proprju l-BCA. Mistoqsi miċ-chairman tal-Bord tal-Inkjesta Joseph Zammit McKeon għalfejn din il-binja ma kinitx taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità….bl-aktar mod skjett – Ferry insista li dik il-binja kienet fil-fatt responsabbiltà tal-BCA.

Hu qara mil-liġi li skont l-Avviż Legali 340 tal-2022 – l-iskop ta’ dawn ir-regolamenti huwa sabiex jillimitaw id-degradazzjoni tal-ambjent permezz ta’ kostruzzjoni u prattiċi ta’ immaniġġjar xierqa li jikkawżaw l-inqas inkonvenjent possibli għal ġirien, jimminimizzaw ir-riskju li membri tal-pubbliku jindarbu, kif ukoll li tipproteġi binjiet li jappartjenu lill-Gvern u l-Kunsill Lokali.

Mistoqsi għal darb’oħra jekk il-BCA kellhiex responsabbiltà fuq din il-binja partikolari – Michael Ferry insista li iva għaliex kull regola li kien hemm eżistenti qabel kienu salvagwardati mil-liġi preżenti.

Kuntrast qawwi ma’ dak li xehed il-Kap Eżekuttiv tal-BCA Jesmond Muscat fejn insista li qatt ma kienet taqa’ taħt l-Awtorità u kull min xehed s’issa meta saritilhom din id-domanda speċifika.

Iżda Ferry baqa’ jinsisti li l-immaniġġjar ta’ siti ta’ kostruzzjoni taqa’ direttament taħt ir-responsabbiltà tal-BCA bi spjega li tmur lura mill-91 sal-lum il-ġurnata..u għal ħames darbiet, b’ċertezza liema bħala – huwa xehed li l-BCA kellha responsabbiltà sagrosanta fuq din il-binja.