Il-Prim Ministru tal-Iżvezja, Ulf Kristersson, enfasizza li l-omiċidju doppju ta’ żewġ Żvediżi fi Brussell jidher li kien ippjanat bħala azzjoni terroristika kontra l-Iżvezja u kwalunkwe ċittadin Żvediż.
Dan metaIl-kapitali Belġjana għadha maħkuma mit-tensjoni wara l-qtil, fil-lejl tat-Tnejn, tal-Iżvediżi li kienu fi triqthom biex jaraw il-logħba tal-futbol internazzjonali bejn il-Belġju u l-Iżvezja…Logħba valida għall-kwalifikazzjoni għall-kompetizzjoni tal-Euro 2024.
L-aggressur, ftit wara l-qtil, assuma responsabbiltà għan-nom tal-ISIS, permezz ta’ video li kien iċċirkulat online. Dan waqt li l-iskwadri Belġjani għal kontra t-terroriżmu sikkaw is-sigurtà fiċ-ċentru ta’ Brussell u bnadi oħra tal-kapitali.
L-awtoritajiet Belġjani ma kenux lesti li jieħdu ċans fiċ-ċirkustanzi, tant li huma żammew lill-partitarji magħluqin fil-Konigbeude wijn Stadion sas-sigħat bikrin tat-Tlieta – bil-logħba bejn il-Belġju u l-Iżvezja tispiċċa abbandunata waqt il-mistrieħ.
L-arja tat-terrur fi Brussell kompliet tinħass anki wara r-rapporti li t-terrorista – identifikat bħala Abdesalem – spiċċa maqtul mill-pulizija li konfrontawh f’kafeterija fid-distrett ta’ Schaerbeek.
Ftit wara l-qtil tat-terrorista kien ikkonfermat li l-aggressur, li kien armat b’azzarin awtomatiku, irnexxielu jferi lil tielet ċittadin Żvediż u li t-terrorista, permezz tal-video, kien irrefera għalih bħala ‘tielet vittma’.
Il-qtil tal-partitarji seħħ fil-Boulevard d’Ypres viċin is-stadium u l-awtoritajiet Belġjani fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin bl-investigazzjonijiet biex isiru jafu ‘l-aħħar movimenti’ tat-terrorista.
Magħruf ukoll li l-aggressur –Tuneżin ta’ 45 sena – kien mar fil-Belġju illegalment wara li l-applikazzjoni tiegħu għall-kenn politiku kienet miċħuda fl-2020.
Il-Ministru Belġjan għall-Intern, Annelies Verlinden, sadanittant ukoll ikkonfermat li l-arma awtomatika li kien qed iġorr it-terrorista qabel inqatel kienet l-istess waħda li ntużat fil-qtil tal-Iżvediżi fil-viċinanzi tal-iStadium.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo irrefera għat-terrur tat-Tnejn bil-lejl bħala ‘azzjoni kodarda u inkwetanti ħafna’ u meta anki l-prosekuturi Belġjani jemmnu li l-vittmi kienu sfaw mira tal-aggressur ‘għas-sempliċi fatt li kienu ġejjin mill-Iżvezja’.
L-Iżvezja wkoll għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar il-qtil doppju fi Brussell, bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi Stokkolma jwissi liċ-ċittadini Żvediżi fil-Belġju biex jibqgħu viġilanti u dejjem attenti ‘għal xulxin’.
//= $special ?>