Lokali

Il-ġnien tat-tlett għoljiet f’Marsalforn Għawdex jitħalla f’telqa kbira

“Il-ġnien tat-tlett għoljiet f’Marsalforn Għawdex, jinsab f’telqa kbira”.

Dan stqarru l-kunsillier fil-kunsill taż-Żebbuġ Għawdex, Daniel Cordina f’post fuq il-midja soċjali tiegħu, hekk kif spjega t-telqa kbira li tħalla fih dan il-ġnien, li hu frekwentat mill-familji.

Daniel Cordina stqarr, li dan il-ġnien issa hu wieħed mitluq, bil-bandli mkissrin, twapet maqlugħin u nuqqas ta’ dawl. Il-bandli qed jiġi frekwentat ukoll minn żgħażagħ barranin li jagħmlu l-istorbju tard filgħaxija, u anke persuni li jabbużaw mid-droga.

Hu kompla jgħid kif il-kunsill talab lill-awtorità responsabbli, il-Ministeru ta’ Għawdex, biex tittieħed azzjoni diversi drabi, appelli li waqgħu fuq widnejn torox. Dan filwaqt li ntalab sabiex l-aċċess għall-ġnien jibda jingħalaq matul il-lejl sabiex jiġi evitat aktar vandaliżmu fost l-oħrajn…talbiet li ukoll ġew injorati.

Cordina appella lill-awtoritajiet responsabbli sabiex jieħdu azzjoni mingħajr iżjed dewmin, dan għaliex ir-residenti u t-tfal ta’ Marsalforn ħaqqhom aħjar.