Iż-żjara f’Iżrael kienet waħda mill-iktar affarijiet diffiċli li kelli nagħmel bħala President tal-Parlament Ewropew. Hekk stqarret Roberta Metsola fil-ftuħ tas-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fejn aġġornat lill-MEPs dwar iż-żjara li għamlet nhar il-Ġimgħa, liema dikjarazzjoni intlaqgħet b’ċapċip mill-plenarja kollha.
Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani qed tħasseb lil kulħadd. U insistiet li r-realtà li rat b’għajnejha hija tat-tkexkix, b’diversi ħajjiet ta’ nies innoċenti jinsabu taħt theddida.
Irreferiet b’mod partikolari għall-qtil tal-massa li wettaq il-grupp terroristiku Hamas. U tenniet li dan ma jirrapreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-Palestinjani.
Il-President Roberta Metsola qalet li ż-żjara ta’ nhar il-Ġimgħa saret wara diskussjoni mal-mexxejja tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew.
Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jkompli jagħmel dak kollu possibli biex l-innoċenti ma jsofrux f’dan il-kunflitt.
Qalet li l-Parlament Ewropew dejjem se jibqa’ jimbotta għal soluzzjoni li tkun ġusta u li permezz tagħha Iżrael u l-Palestina jkunu żewġ stati li jgħixu fil-paċi maġemb xulxin.