Jack Mizzi rebaħ il-premju Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Settembru organiżżat mill-Għaqda Ġurnalisti Sports.
Ta’ 17-il sena, Mizzi stabilixxa rekord ġdid fiċ-Chess f’Malta, meta rebaħ il-Malta Blitz Championship, fejn rebaħ id-disa’ logħbiet li kellu u sar wieħed mill-ftit li rebaħ kampjonat ta’ din ix-xorta b’rebħiet massimi.
Il-Malta Blitz Championship huwa avveniment annwali organizzat mill-Malta Chess Federation, fejn ħadu sehem 32 parteċipant minn pajjiżi differenti, fosthom mill-Ġermanja, it-Turkija, is-Serbja u ċ-Ċina.
B’differenza mil-logħba tradizzjonali taċ-Chess, fejn logħba taf iddum aktar minn tliet sigħat, fil-Blitz kull plejer ikollu 3 minuti b’żieda ta’ żewġ sekondi u kull logħba ma tieħux aktar minn 10 minuti.
Mizzi ilu seba’ snin jilgħab iċ-chess u ta’ 13-il sena kien l-iżgħar plejer li rebaħ il-preliminari ta’ kompetizzjoni lokali. Fl-2022 sar l-iżgħar Malti li qatt rebaħ it-titlu ta’ Candidate Master, li jingħata mill-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Chess lil dawk il-plejers li għandhom ċans kbir li jsiru masters.
It-trofew tal-Atlas atleta żagħżugħ tax-xahar għal Settembru kien ippreżentat minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer u David Cassar Business Development & Marketing Manager ta’ Atlas Insurance flimkien ma’ Sandro Micallef u Lorraine Cunningham President u Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.
//= $special ?>