Lokali Parlament

L-Awtorità għandha tassigura li l-anzjani jkunu trattati b’dinjità


Paula Mifsud Bonnici, PN


Id-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici sostniet fil-parlament li l-Awtorità għall-Istandards għall-Persuni Anzjani li se titwaqqaf għandha tassigura li l-anzjani jkunu trattati b’dinjità.


Paula Mifsud Bonnici qalet li tittama li din il-liġi tassigura l-interessi ġenerali tal-anzjani u li tiffoka biss u bi prijorità fuq l-anzjani.


Hi qalet li kien fl-2014 li l-gvern poġġa abbozz fil-parlament f’dan ir-rigward li qatt ma kien diskuss għaliex kien inbidel. Dan l-abbozz għadda mill-kumitat iżda qatt ma sar liġi għaliex il-gvern qatt ma approvah mill-parlament.


Aktar tard kien hemm abozz ieħor dwar l-Awtorità għad-Djar ta’ Persuni Anzjani li wkoll għadda mid-dibattitu iżda qatt ma tressaq għall-approvazzjoni. Kien biss fl-2018 li l-Ministru Michael Falzon ressaq abbozz dwar l-Awtorità għall-Istandards għall-Ħarsien Soċjali iżda issa l-gvern qed jerġa’ jressaq abbozz simili din id-darba għall-anzjani biss.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-PN jaqbel mat-twaqqif ta’ din l-Awtorità u sostniet li l-Awtorità għandha ‘tiżgura’ li l-istandards ikunu miżmuma f’kull ħin u biss ‘tagħmel ħilitiha’, kif hemm speċifikat fil-liġi.


Dwar il-kompożizzjoni tal-Awtorità, Paula Mifsud Bonnici qalet li ma taqbilx li ċ-Chairperson u l-membri jinħatru u jitneħħew mill-ministru. Dan juri li l-gvern m’għandux il-kuraġġ li jiddeċiedi li ma jkunx hu li qed jinnomina persuni f’pożizzjonijiet tant importanti.


Il-gvern għandu jkollu nies kompetenti fil-quċċata ta’ dawn l-awtoritajiet. F’dan l-abbozz kollox idur mal-ministru tant li jissemma’ 34 darba. Din l-Awtorità se tkun qed tiskrutinja u tagħmel standards anki f’San Vinċenz. Dan ma jagħmilx sens għaliex il-gvern hu dak li propju jipprovdi s-servizzi f’ San Vinċenz.


Paula Mifsud Bonnici qalet li, fost l-oħrajn, din l-Awtorità se tkun tista’ tirtira ċertu liċenzji, tiddeċiedi dwar ċertu djar tal-gvern jekk ma jkollhomx il-livelli aċċettabbli ta’ kwalità u li ssir kritika lil San Vinċenz wara l-mewt ta’ Carmel Fino meta San Vinċenz kien ġie ħabs.


Id-deputat Nazzjonalista appellat biex ikun hemm bidla fil-mod kif jinħatru l-persuni f’din l-Awtorità u jekk dawn għandhomx ikunu appuntati bħall-Omudsman u jekk jinħatrux b’konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni mill-President ta’ Malta. Hi qalet li l-membri m’għandhomx jinaħtru skont kif qed tispeċifika l-liġi iżda l-kwalifiċi professjonali fil-ġerjatrija u ġerentoloġija huma importanti ħafna.


Paula Mifsud Bonnici semmiet il-ħatra tas-CEO il-ġdid ta’ San Vinċenz u qalet li l-ex CEO tneħħiet minn San Vinċenz u issa nħatret fl-OHSA. Hi kompliet li l-Ministru għall-Anzjani għandu jagħti l-akbar eżempju billi jbiddel din il-liġi.


Dwar l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità (CEO), hi qalet li din għandha tkun appuntata mill-Bord tal-Gvernaturi. Dan il-Kap Eżekutitv għandu jkun persuna bi kwalifiċi iżda mhux speċifikat kif dan jingħażel, sostniet Paula Mifsud Bonnici, li tkellmet dwar l-importanza tal-istandards u dwar l-importanza li ma jkunx hemm abbużi biex ma jbatux l-abbużi.


Jeħieġ li Awtorità tiżgura li l-ħaddiema jkollhom it-taħriġ u l-kwalifiċi li għandhom bżonn, sostniet Paula Mifsud Bonnici, li appellat biex il-carers ikunu jafu jitkellmu bl-Ingliż u bil-Malti għaliex mhux aċċettabbli anzjani jispiċċaw fis-solitudni għaliex il-carers lanqas jafu jitkellmu bl-Ingliż u bil-Malti.


Hi appellat biex ir-rikreazzjoni tkun garantita fid-djar għall-anzjani. Jeħtieġ li meta jsiru l-ispezzjonijiet, l-anzjani ma jbatux minn inkonvinjent.


Paua Mifsud Bonnici qalet li għandu jkun hemm trasparenza fil-prezzijiet tas-servizzi offruti lill-anzjani u appellat biex l-Awtorità tassigura li l-anzjani jkollhom il-kura meħtieġa