Futbol Sport

Telfa oħra għat-tim nazzjonali Malti minkejja li mar minn fuq fl-ewwel taqsima

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Neil Camenzuli

MALTA…………………….1

UKRAJNA……………….3

Malta: H.Bonello, R.Camenzuli, S.Borg, M.Guillaumier, J.Mbong (C.Attard 79’), P.Mbong (L.Montebello 86′), E.Pepe, K.Nwoko (A.Satariano 69’), N.Muscat (B.Kristensen 69’) , Y.Yankam (S.Pisani 86′), J.Borg

Ukrajna: A.Trubin, S.Sydorchuk, G.Sudakov (Y.Nazaryna 68’) , M.Mudryk, A.Dovbyk, I.Zabarnyi, V.Mykolenko, O.Zinchenko, V.Vanat (Y.Konoplia 68’), O.Karavaeiv, M.Mykolenko (O.Zubkov 76’)

Imwissija: M.Matviyenko (UKR) 32’. S.Pisani 90′ (MAL)

Skorjaw: P.Mbong 12’ (MAL), A/G R.Camenzuli 38’ (UKR), A.Dobvyk 42’ (UKR), M.Mudryk 86’ (UKR)

Referee: Morten Krogh (DAN)

Assistenti Referees: D.Wollenberg Rasmussen (DAN), S.Bramsen (DAN)

Fis-seba’ partita ta’ Grupp C mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2024, it-tim nazzjonali Malti kellu wirja tajba fl-Istadium Nazzjonali kontra l-Ukrajna fejn saħansitra fetħu l-iskor u marru fil-vantaġġ wara 12-il minuta, madankollu żewġ gowls fl-ewwel taqsima u gowl mill-isbaħ ta’ Mudryk fl-aħħar mumenti tal-partita taw ir-rebħa lill-Ukrajna.

L-ewwel azzjoni waslet mal-ewwel minuta u qajmet l-entużjażmu mal-partitarji Maltin hekk kif xutt ta’  Joseph Mbong minn barra ‘l kaxxa kien devjat mid-difensuri Ukreni, bil-Maltin jibdew fuq sieq tajba.

L-Ukreni rrispondew tajjeb fir-raba’ minuta minn azzjoni personali tal-istilla tat-tim Mudryk, li qabez lil Mbong fuq ix-xellug u daħal fil-kaxxa, bix-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra.

Il-Maltin ħasdu lill-avversarji tagħhom meta fetħu l-iskor wara 12-il minuta logħob u marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba f’din il-fażi ta’ kwalifikazzjoni permezz ta’ kontrattakk veloċi mill-attakkant Paul Mbong li xeħet ġewwa b’xutt potenti minn barra l-kaxxa ‘l kbira mill-pass perfett ta’ Nwoko.

Fil-35 minuta l-Maltin għal darb’oħra perikolużi minn azzjoni ta’ Nwoko li ttanta xortih minn barra ‘l kaxxa, bix-xutt tiegħu ma jagħti l-ebda problemi lil Trubin.

L-Ukreni kisbu d-draw fit-38 minuta bi sfortuna kbira għall-Maltin hekk kif il-gowl wasal minn auto-gowl tad-difensur laterali Ryan Camenzuli li xeħet fix-xibka tiegħu stess meta pprova jikklerja l-periklu mill-kross baxx ta’ Sudakov.

Minkejja l-prestazzjoni tajba tal-Maltin fl-ewwel 40 minuta, l-Ukreni ħadu l-vantaġġ ħames minuti wara permezz ta’ penalty li wasal minn foul kommess fil-kaxxa minn Joseph Mbong. Il-penalty kien mogħti mill-attakkant Artem Dobvyk li ma żbaljax bil-konklużjoni ċentrali tiegħu u għeleb għal kollox lil Bonello.

Risposta tajba mit-tim Malti ftit mumenti qabel tmiem l-ewwel taqsima hekk kif Matthew Guillaumier kien sfortunat meta laqat il-minduda b’tentattiv potenti minn barra ‘l kaxxa.

Intervent mill-isbaħ minn Bonello fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima hekk kif il-goalkeeper ħareġ jikklerja l-periklu ġol-kaxxa, bil-ballun jasal f’saqajn Mudryk li pprova jsib ix-xibka b’xutt veloci, pero għal darb’oħra Bonello rnexxielu jevita l-periklu tajjeb.

L-ewwel taqsima tajba għal Maltin minkejja l-iżvantaġġ ta’ 1-2, fejn anka f’mumenti tal-partita t-tim Nazzjonali Malti kien fil-vantaġġ u kien dominanti fil-partita.

L-Ukrajna kienu iktar kawti fit-tieni taqsima, bil-maġġoranza tal-pusses tal-ballun għandhom, bl-ewwel azzjoni perikoluża tasal fid-59 minuta minn xutt b’saħħtu ta’ Mudryk minn barra ‘l kaxxa jkun ftit għoli.

Il-Maltin komplew il-pressjoni tagħhom fuq id-difiża Ukrena, hekk kif il-goalkeeper Trubin evita l-periklu tajjeb fil-61 minuta minn xutt angolat ta’ Nwoko.

Bonello għal darb’oħra żamm lil Malta fil-partita b’save tajjeb fis-70 minuta b’konklużjoni oħra minn barra ‘l kaxxa ta’ Mudryk.

Malta jerġgħu jkunu perikolużi minn kontrattakk fil-75 minuta minn pass twil ta’ Pepe li wasal għand Mbong li tefa’ favur saqajh u pprova jikkobkludi b’xutt angolat fir-rokna tal-lemin, bix-xutt jgħaddi ftit għoli.

L-Ukreni komplew ikabbru l-vantaġġ fis-86 minuta meta Mykhailo Mudryk skorja gowl mill-isbaħ minn azzjoni personali mix-xellug b’konklużjoni minn barra l-kaxxa tispiċċa fir-rokna ta’ fuq tal-lemin.

Wirja qalbiena għall-aħħar mill-Maltin, b’prestazzjonni aggressiva mhux bizzejed għat-tlett punti kontra l-Ukrajna bil-partita tintemm bl-iskor ta’ 3-1.

Il-plejers Maltin jiċċelebraw il-gowl ta’ Paul Mbong fit-12-il minuta (Ritratt: Josef Fitzpatrick)
(Ritratt: Josef Fitzpatrick)