Lokali Parlament

Audit Report tal-AUM għandu jitpoġġa fil-parlament


F’ruling l-Ispeaker Anġlu Farrugia ordna li l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-Audit Report li fih jinkludi l-proċess ta’ evalwazzjoni li sar lill-American University of Malta (AUM) biex f’Awwissu 2022 kellha l-liċenzja mġedda għal ħames snin oħra.


Dan il-każ beda wara li fil-11 ta’ Ottubru 2023, l-Ispeaker irċieva email mingħand id-deputati Nazzjonalisti Rebekah Borg u Justin Schembri fejn spjegaw li fl-24 ta’ Awwissu 2023, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ddeċieda li ma jinvestigax l-ilment li sarlu dwar l-għoti ta’ risposta qarrieqa mwieġba mill-Ministru Clifton Grima. Huma talbu lis-Sedja biex tinvestiga dan il-każ.


L-ilment jirreferi għal mistoqsijiet parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg li talbet lill-Ministru Grima jippubblika l-Audit Report li fih jinkludi l-proċess ta’ evalwazzjoni li sar lill-American University of Malta (AUM) biex f’Awwissu 2022 kellha l-liċenzja mġedda għal ħames snin oħra.


Il-Ministru Grima kull darba rrefera lil Rebekah Borg għar-rapport ibbażat fuq institutional audit li sar f’Ottubru tal-2020 u qal li kien aċċessibbli fuq il-website tal-MFHEA.


Ir-rapport diġà kien il-bażi għal deċiżjoni meħuda fl-2021 li tat il-liċenzja estiża għal sena waħda biss peress li f’dan l-audit, l-AUM falliet ħafna mill-istandards fl-evalwazzjoni li saritilha. Fit-2 ta’ Diċembru tal-2022 ġie ppubblikat l-Audit Report li sar f’April tal-2022. Dan l-Audit Report iffoka fuq il-korsijiet offruti mill-AUM imma mhux fuq AUM bħala istituzzjoni.


Id-deputati Nazzjonalisti qalu li jekk jirriżulta li kien hemm azzjoni qarrieqa min-naħa tal-Ministru allura s-Sedja tieħu azzjoni ġusta kif ukoll tinsisti li jiġi ppubblikat l-Audit Report li abbażi tiegħu ġiet imġedda l-liċenzja tal-AUM.


Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker Anġku Farrugia qal li s-Sedja, tifhem il-preokupazzjoni tad-deputati Nazzjonalisti Rebekah Borg u Justin Schembri u tordna lill-Ministru Clifton Grima biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dak li huwa indikat bħala rapport pubbliku u aċċessibbli fil-website, kif indikat fil-korrispondenza tal-14 ta’ Ottubru 2022 fl-ewwel okkażjoni mill-għotja ta’ dan ir-ruling.


L-Iseaker qal li kwalunkwe dokument li jirreferi għalih ministru waqt seduta waqt risposta għal mistoqsija parlamentari, għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.