Waqt laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN, bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l- Kunsill Nazzjonali Anzjani, ġew diskussi diversi temi kurrenti li jolqtu direttament lill-anżjani – li jagħmlu kwart tas-soċjetà Maltija, fosthom l-għoli tal-ħajja u l-pensjonijiet.
Filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista awgura lill- Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani talli issa flimkien ma’ unions u korpi kostitwiti oħra, saru jifformaw parti mill-MCESD, insista li l-Partit Nazzjonalista ilu żmien twil jitkellem dwar dan id-dritt għaliex jemmen li l-adulti tal-lum se jkunu l-anzjani ta’ għada – allura huwa fl-interess ta’ kulħadd li d-drittijiet tal-anżjani jiġu ssalvagwardjati u mħarsa.
Minn naħa tiegħu, Peter Paul Bonnici – il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani fisser it-tħassib tiegħu dwar l-anomalija li tezisti fil-pensjonijiet ta’ dawk l-anzjani li twieldu qabel il-31 ta’ Diċembru tal-1961, u dawk l-anzjani li twieldu wara 31 ta’ Diċmebru tal-1962.
Minn naħa tiegħu, Bernard Grech insista li l-PN diġà ħaseb għal din l-eventwalità meta fil-Programm Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali kien wiegħed li PN fil-Gvern jimplimeta pakkett għall-Pensjonijiet biex jiġu indirizzati diversi inġustizzji li għadhom ma ssolvewx sal-lum u li saħansistra qed jixħtu lill-pensjonanti fir-riskju tal-faqar jew saħansitra fil-faqar.
Dan billi l-mekkaniżmu ta’ 70/30, li qed jintuża bħalissa għaż-żieda lill-pensjonanti mwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1961, ikun jitħaddem għall-pensjonanti kollha.
Dwar il-COLA, Bernard Grech qal li il-PN ilu żmien twil jinsisti li din ma għandhiex tiġi intaxxata – iżda sa issa l-Gvern imexxi minn Robert Abela għadu qiegħed jirrezistiha.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll id-deputati tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, David Agius u Jerome Caruana Cilia, u il-President tal-APAN Joe Zahra.
//= $special ?>