Lokali

“Il-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja” – PN

Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jgħin lil tant familji u negozji Maltin u Għawdxin li qed ibatu mill-għoli tal-ħajja mingħajr dewmien żejjed. Għal darb’oħra, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna reġgħet qabżet dik taz-Zona Ewro: 4.9% f’Malta u 4.3% fiz-Zona Ewro.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għal-Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja Albert Buttigieg u mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jisħaq li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jgħin ferm aktar lil tant familji u negozji Maltin u Għawdxin li qed ibatu mill-għoli tal-ħajja. L-aħħar statistika terġa’ turi li Malta għandha rata ta’ inflazzjoni ogħla miz-Zona Ewro. Agħar minn hekk, daqqa akbar għax l-akbar rata tinsab fuq l-aktar prodotti essenzjali, bħall-ikel. Din hi pjaga li kuljum qed tgħaffeġ lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Gvern ta’ Robert Abela mhux biss mhux jagħmel biżżejjed biex jegħleb l-impatt tal-għoli tal-ħajja fuq il-poplu, b’mod partikolari l-familji u l-anzjani li qed ibatu biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar, iżda issa, għax jinsab daharu mal-ħajt, qed ixewwex lil nies kontra n-negozjanti.

Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jnaqqas l-infiq żejjed u bla bżonn, li qed ikompli joħloq piżijiet ġodda fuq il-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-viżjoni tiegħu biex dawn l-isfidi li qed iġġib l-għoli tal-ħajja jkunu mtaffin. Fosthom li:

– Jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna;

– Il-COLA ma tkunx taxxabbli;

– Il-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja;

– Jinħoloq Fond Nazzjonali b’budget annwali biex jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.