Lokali

Il-Ministru Clayton Bartolo jfarfar kollox fuq l-Awditur Ġenerali u pajjiżi oħra

Wara li l-Ministru Clayton Bartolo kien ilu jwiegħed li se jippubblika żewġ rapporti relatati mal-infieq fl-industrija tal-films issa spiċċa jipponta subgħajh lejn l-Awditur Ġenerali u lejn pajjiżi oħra.

F’Lulju li għadda Clayton Bartolo kien qal li se jippubblika rapport dwar il-flus li tajjar fuq il-Mediterrane Film Festival – xi ħaġa li bosta nies ikkritikaw hekk kif inġiebu diversi personalitajiet barranin u xejn ma kien hemm introjtu għall-industrija lokali.

Apparti minn hekk lejn l-aħħar ta’ Settembru li għadda Clayton Bartolo kien wiegħed li r-rapport ridott relatat mal-cash rebate kellu jiġi ppubblikat fil-jiem li ġejjin.

Iżda sal-lum l-ebda rapport għadu ma ġie ppubblikat u meta mistoqsi minn Net News dwar ir-rapport tal-cash rebate l-Ministru Clayton Bartolo kien pront farfarha fuq l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Imbagħad meta mistoqsi jekk jafx bejn wieħed u ieħor meta se jkun ppubblikat dan ir-rapport huwa qal li se jkun ppubblikat fiż-żmien li ġej.

Apparti minn hekk, meta mistoqsi għalfejn ma ġiex ippubblikat ir-rapport dwar in-nefqa fil-Mediterrane Film Festival hekk kif għaddew ‘il fuq minn 3 xhur, il-Ministru qal li għadhom qed jistennew l-informazzjoni minn pajjiżi oħra.

U għalhekk dan jindika li lanqas Clayton Bartolo stess ma jaf preċiżament kemm intefqu minn but il-poplu għal dan il-festival. Jew inkella jaf, u ma jridx jgħid.

Clayton Bartolo assigura li r-rapporti se jiġu ppubblikati – għalkemm dan kollu jqajjem tħassib dwar in-nuqqas ta’ trasparenza f’din l-industrija.