Knisja Lokali

Il-Papa jġedded il-kariga tal-Arċisqof Scicluna bħala Segretarju Aġġunt tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku kkonferma lill-Arċisqof Charles Scicluna bħala s-Segretarju Aġġunt tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi għal ħames snin oħra.

Minn meta l-Arċisqof Scicluna beda jokkupa din il-kariga f’Novembru 2018, il-Papa Franġisku fdah b’missjonijiet pastorali f’diversi pajjiżi fosthom iċ-Ċilì u, reċentement, il-Perù. L-Arċisqof Scicluna huwa wkoll il-President tal-Kulleġġ tar-Rikorsi, li jiddeċiedi każijiet ta’ appell fi ħdan id-Dikasteru.

Id-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi huwa responsabbli biex jippromwovi u jħares id-duttrina tal-fidi u l-morali fil-Knisja, inkluż każijiet ta’ dixxiplina u każijiet ta’ abbuż minn saċerdoti.

Qabel il-ħatra tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta, l-Arċisqof Charles Scicluna kien serva għal 10 snin bħala l-Promotur tal-Ġustizzja fi ħdan l-istess Dikasteru.