Internazzjonali Lokali

Il-President Metsola tikkundanna l-attakk li seħħ fuq l-isptar f’Gaza

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-attakk li seħħ ilbieraħ fuq l-isptar f’Gaza mhux ġustifikabbli u għandu jsir kull sforz possibli biex ikun magħruf x’ġara.

Waqt li kienet qed tiftaħ is-sessjoni plenarja ta’ dalgħodu, l-President Metsola qalet li l-attakk fuq l-isptar Al-Ahli Arabi Baptist f’Gaza seħħ waqt li l-mexxejja kienu qed jiltaqgħu l-bieraħ f’summit speċjali tal-Kunsill Ewropew biex jiddiskutu is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Żiedet li fl-attakk, mijiet ta’ nies innoċenti inqatlu.

Roberta Metsola qalet li filwaqt li t-traġedja fil-Lvant Nofsani qed tiżviluppa, huma l-innoċenti li qed ikollhom iħallsu il-prezz ta’ dak li għaddej.

“Jeħtieġ nibqgħu nsostnu li l-protezzjoni ta’ ħajjet iċ-ċittadini trid tibqa’ ta’ priojrità. Ma nistgħux ma nagħtux każ il-konsegwenzi umanitarji. Dan dejjem kien il-qofol tal-messaġġ tagħna,” qalet Roberta Metsola.

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li l-istituzzjoni qed tfakkar lill-vittmi li tilfu ħajjithom u se tibqa’ taħdem biex ikun hemm triq ‘il quddiem għal dan ir-reġjun.