Waqt summit speċjali tal-Kunsill Ewropew li tlaqqa b’mod virtwali, il-mexxejja Ewropej iddiskutew is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
Fetħet is-summit il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, fejn tenniet li l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew hi kontra kull tip ta’ terroriżmu, li l-grupp terroristiku Hamas ma jirrappreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan, u li għandha tibqa’ ssir diskussjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-rappreżentanti leġittimi tal-poplu Palestinjan, u l-awtoritajiet l-oħra fir-reġjun.
U skond l-istqarrija maħruġa mill-Uffiċju tal-Prim Ministru, Robert Abela għamel copy and paste ta’ dak li qalet il-President tal-Parlament Ewropew – anke jekk qed jagħti direzzjoni lill-media laburista biex tattakka lil Roberta Metsola fuq il-pożizzjoni tagħha.
Filfatt, Robert Abela qal li Iżrael għandu kull dritt li jiddefendi lill-poplu tiegħu skond il-liġijiet internazzjonali – l-istess argument li għamlet il-President Metsola sa mis -7 ta’ Ottubru meta seħħ l-attakk terroristiku mill-Hamas fuq Iżrael.
“Malta tibqa’ tikkundanna b’mod inekwivoku l-azzjonijiet tal-grupp terroristiku Hamas u filwaqt li tirrimarka fuq id-dritt li Iżrael jiddefendi ruħu skont il-parametri tal-liġi internazzjonali huwa importanti li l-grupp Hamas ma jitpoġġiex f’keffa waħda mal-Palestinjani f’Gaża. Dan kien il-messaġġ ewlieni li għamel Robert Abela fil-Kunsill Ewropew skond l-istqarrija tal-Gvern, l-istess kliem li qalet Metsola matul l-aħħar jiem. Minkejja dan, il-media laburista qed tagħżel li ssib kull skuża biex tattakka lil Roberta Metsola.
Abela ikkoppja il-pożizzjoni ta’ Metsola ukoll dwar is-sejħa immedjata tal-ħelsien bla kundizzjoni ta’ ostaġġi maqbuda mill-Hamas f’Gaża. Abela qal li rridu wkoll innaqqsu l-eskalazzjoni tal-kunflitt f’żoni oħra fir-reġjun tal-Lvant Nofsani – l-istess ħaġa li qalet Metsola fil-ftuħ tal-istess summit.
Dan joħroġ aktar fid-deher l-ipokrezija tal-Partit Laburista.
Intant, il-President Metsola qalet li l-attakk li seħħ ilbieraħ fuq l-isptar f’Gaza mhux ġustifikabbli u għandu jsir kull sforz possibli biex ikun magħruf x’ġara. Żiedet tgħid li m’għandhom qatt ikunu n-nies innoċenti li jħallsu dan il-prezz.
Waqt li kienet qed tiftaħ is-sessjoni plenarja ta’ dalgħodu, l-President Metsola qalet li filwaqt li t-traġedja fil-Lvant Nofsani qed tiżviluppa, huma l-innoċenti li qed ikollhom iħallsu il-prezz ta’ dak li għaddej.
“Jeħtieġ nibqgħu nsostnu li l-protezzjoni ta’ ħajjet iċ-ċittadini trid tibqa’ ta’ priojrità. Ma nistgħux ma nagħtux każ il-konsegwenzi umanitarji. Dan dejjem kien il-qofol tal-messaġġ tagħna,” qalet Roberta Metsola.
//= $special ?>