Lokali

“Il-proposti tal-Gvern għandhom ikunu parti minn pjan ħolistiku” – il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tappella lill-Gvern sabiex jirranġa t-tax brackets ħalli b’hekk il-ħaddiema u l-familji jibqgħalhom aktar flus fil-but.

Waqt il-programm NETLIVE fuq Net Television, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli qalet li dawk il-persuni li jinsabu fil-faxxa t’isfel tas-soċjeta għandhom jiġu mgħejjuna biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja adegwata. Iżda dan għandu jsir billi jkun hemm politika ħolistika fejn il-proposti ma jsirux waħedhom imma jkunu parti minn pjan nazzjonali – dan b’referenza għall-kummenti li għadda fi tmiem il-ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela rigward il-minimum wage.

Dawk li għandhom low income, għandha titwessa t-tax bracket tagħhom biex attwalment, ma jħallsux xejn taxxa. Dan biex verament ngħinu lil min hu fil-bżonn. Għax jekk verament lil min hu fil-bżonn se tagħtih xi ħaġa u toħodhielu lura, tiġi qisek ma tajtu xejn. Mentri jekk inti se tħallih jieħu dak li qiegħed jieħu u ma tintaxxahx fuqu, awtomatikament diġà tajtu u ħallejtlu iktar flus fil-but.

Marthese Portelli saħqet li din il-proposta li qed tressaq iċ-Chamber, hija proposta li dwarha hemm qbil wiegħsa; kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-ħaddiema nfushom.

Din hija proposta li qed jaqblu fuqha kemm min iħaddem u wkoll min jirrappreżenta lill-ħaddiema. Jiġifieri naħseb kien ikun ħafna iktar għaqli li kieku l-Gvern sema lill-imsieħba soċjali kollha, li kollha kemm aħna qed ngħidu li le l-COLA m’għandiex tiġi intaxxata.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummers qalet li l-Budget li se jitressaq fi ftit tal-jiem oħra għandu jkun wieħed li permezz tiegħu l-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet li missu ilu li ħa snin ilu.

Il-Partit Nazzjonalista ilu żmien twil jipproponi li l-Gvern ma jintaxxax iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Dan sabiex il-famiji u l-ħaddiema jkunu jistgħu jingħataw ż-żieda b’mod sħiħ, u b’hekk jittaffa ftit mill-piż li qed iħossu l-familji Maltin u Għawdxin.