Knisja Lokali

Imut l-Isqof Robert Camilleri Azzopardi O.F.M.

L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi sellmu l-ħajja ddedikata fl-art tal-missjoni tal-Isqof Robert Camilleri Azzopardi O.F.M., Isqof tad-Djoċesi ta’ Comayagua fil-Honduras u President tal-Konferenza Episkopali tal-Honduras.

Fi stqarrija l-Kurja qalet li l-Isqof Camilleri Azzopardi miet it-Tlieta, 17 ta’ Ottubru 2023, fl-età ta’ 72 sena.
L-Isqof Robert Camilleri Azzopardi twieled il-Ħamrun fl-24 ta’ April 1951. Hu ngħaqad mal-Ordni tal-Franġiskani Minuri u ġie ordnat saċerdot fl-1975 mill-Papa Pawlu VI f’Ruma. Tliet snin wara beda l-ħidma missjunarja fil-Honduras fejn serva bħala kappillan għal diversi snin.

Fl-2001, il-Papa San Ġwanni Pawlu II ħatru bħala l-Isqof Awżiljarju ta’ Tegucigalpa u Isqof Titulari ta’ Vagada u ġie ordnat isqof fil-15 ta’ Awwissu tal-istess sena. Tliet snin wara, fl-2004, inħatar bħala l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Comayagua fil-Honduras.

F’Ġunju 2022, l-Isqof Robert Camilleri Azzopardi ntagħżel biex ikun il-Presidenttal-Konferenza Episkopali tal-Honduras.