Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li l-persuna li kien ipprova jqabbiżha l-kju biex it-tifla tagħha tieħu t-tilqima tal-COVID u gideb fuqha issa tpoġġa Acting CEO ta’ San Vinċenz.
Fid-dibattitu dwar it-twaqqif ta’ Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani, Claudette Buttigieg qalet li, għax hemm bżonn, il-gvern qed iħoss li għandhom ikunu imfassla standards fis-settur tal-anzjani u sostniet dan għandu jkun assolut.
Il-pajjiż għandu obbligu enormi lejn l-anzjani u r-rispett għandu jintwera propju f’ħajjithom. Hi qalet li hemm diversi abbużi fuq l-anzjani u għalhekk din hi liġi importanti ħafna.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li jirriżulta li fis-settur tad-dijabete hemm problema minħabba nuqqas ta’ speċjalisti fejn fil-kura primarja hemm biss żewġ speċjalisti, f’Mater Dei hemm biss seba’ konsuletni u seba’ speċjalisti, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex m’hemm l-ebda speċjalist iżda hemm sitt konsulenti ġenerali.
Jirriżulta li f’dawn iċ-ċentri hemm 15,840 pazjent jiedħu l-kura tad-dijabete. In-numru huma kbar tant li f’Mater Dei jattendu 7,923 pazjent waqt li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm 1,245 pazjent. Is-sitwazzjoni hi li l-ispeċjalisiti jridu jaraw madwar 1,500 pazjent. Dawn il-persuni fil-maġġoranza tagħhom huma anzjani.
Hi appellat biex tingħata l-kura meħtieġa fis-saqajn tal-pazjenti li jbatu bid-dijabete.
Id-deputat Nazzjonalista tkellmet il-każ li fih kienet akkużata li ppruvat taqbeż il-kju biex it-tifla tagħha tingħata l-injezzjoni tal-COVID u sostniet li hi kienet fil-fatt akkużata li wżat il-kundizzjoni tat-tifla tagħha biex tieħu l-tilqima tal-COVID. Dakinhar hi kienet ċaħdet anki wara li tkellem fil-parlament il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.
Claudette Buttigieg qalet li l-persuna li nsista magħha li hi tieħu t-tilqima meta ma kienx imissha teħodha, llum inħatar Acting CEO ta’ San Vinċenz. Wara li tkellmet fil-parlament u ċaħdet, Chris Fearne kien qallha li ma kienx veru dak li ġara iżda m’għamilx skuża fil-parlament.
Meta trattat id-dettalji tal-każ, id-deputat Nazzjonalista qalet li t-tifla tagħha ssejħet is-Sibt 27 ta’ Frar 2021 fl-10.30 għat-tilqima tal-COVID u hi akkumpanjata. Kien hemm serbut twil ta’ nies meta tfaċċa raġel li qallha biex takkumpanjah. Hi marret miegħu iżda ħasbet li kienet ġejja xi storja.
Dan ir-raġel ħadha quddiem tal-kju biex tieħu t-tilqima u qallha li hi kienet hemm għat-trattament barra minn Malta għaliex kellha kundizzjoni tas-saħħa diffiċli; meta dan ma kienx minnu.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-istess raġel gideb fuqha u fuq il-familja tagħha għaliex dan ma kienx minnu u ppretenda li hi tigdeb ukoll biex taqbeż kju biex tieħu tilqima.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li rrifjutat li tagħmel dan għalkemm hu insista. In-nies fil-kju bdew jilmentaw li kienu se jqabbżuha l-kju.
Dan ir-raġel illum il-gvern qed itih premju, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li dan seħħ billi dan ir-raġel sar Acting CEO ta’ San Vinċenz. Hi qalet li tinkwieta meta l-istandards tal-pajjiż ikunu f’dan il-livell.
Claudette Buttigieg qalet li hu diżgustanti li l-pajjiż qed jinżel f’dan illivell. Il-gvern qed jagħżel lin-nies li jaqduhom u mhux lin-nies li jistgħu jgħollu l-istandards.