Lokali Parlament

L-anzjani mhux qed jgħixu ħajja diċenti


Albert Buttigieg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna fil-parlament li fil-kuntest tal-kwalità tal-ħajja, l-anzjani m’humiex jgħixu ħajja diċenti.


Hu qal li jilqa’ b’mod pożittiv dan l-abbozz li qed jitkellem fuq Awtorità għall-Istandards fost l-Anzjani. Għalkemm diġà hemm Awtorità tal-Istandards għall-Ħarsien Soċjali, tajjeb li issa qed issir Awtorità oħra li tiffoka biss fuq l-istandards tal-anzjani.


Biex din l-Awtorità verament toħrog għonqha għall-anzjani mingħajr biża’ u allura tista’ tagħmel l-ossservazzjonijiet meħtiega, din l-Awtorità m’għandhix tkun kontabbli lejn il-ministru tal-ġurnata. Dan mhux għaliex hemm xi sfiducja fil-ministru imma biex tkun verament ħielsa minn kull inħil politiku.
Hu ppropona li din l-Awtorità tkun kontabbli lejn l-Ombusman u l-Kummissarju tas-Saħħa. B’dan il-mod, titħares l-indipedenza u l-awtonomija ta’ din l-Awtorità.


Filwaqt li din l-Awtorità se jkollha l-għan li tħares l-istandards tas-servizzi, nemmen li din l-Awtorità għandha tieħu wkoll ir-rwol ta’ pariri għall-istandards tal-ħajja tal-anzjani.


Dan ifisser li jkun ir-rwol tagħha wkoll li titkellem u taqbeż għall-interessi tal-anzjani u tara li l-anzjani għandhom livell diċenti ta’ għajxien.


Hu qal li l-esperjenza qed turi li filwaqt li qed niftaħru li għandha ekonomija sejra tajba u l-GDP huwa wieħed b’saħtu imma r-realtà ta’ diversi anzjani hija differenti.


Huma diversi anzjani li qegħdin jesperjenzaw il-faqar mhux biss faqar materjali jew finanzjarju imma anke faqar emozzjoniali, mentali u psikoloġiku. Ir-realtà turi li wara li l-anzjani għamlu tant sagrifiċċji fil-mixja tal-ħajja tagħhom, jidher li s-soċjetà u l-gvern qiegħdin jabbandunawhom.


Filwaqt li l-Gvern jiftaħar li qalbu hija mal-battut, fir-realtá qalbu qed tħabbat mal-korrotti u ħallelin li qegħdin jitħallew jitħanżru u jiffangaw minn fuq dahar il-poplu, li jinkludi anke l-anzjani. L-aħħar skandlu tar-racket tas-servizzi soċjali huma xhieda ta’ dan.


Mill-aħħar stħarriġ li sar qed joħroġ ċar kull darba li l-għoli tal-ħajja hija ta’ uġiegħ ta’ ras għal diversi. Jidher ċar li l-aktar kategorija tas-soċjeta’ tagħna li mhiex qed tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja huma l-anzjani tagħna.


Xi wħud mill-anzjani tagħna qiegħdin jispiċċaw jduru fuq uliedhom jew membri oħra tal-familja biex igħinuhom filwaqt li oħrajn qegħdin jfittxu l-għajnuna tas-soup kitchens jew għajnuniet minn gruppi tal-parroċċi.


Dan qalitu l-Caritas fid-dokument ‘Mininum essential budget for a decent living’ u issa wkoll l-istudju professjonali li sar mill-General Workers Union flimkien mal-Moviment Graffiti u l-Allenza Kontra l-Faqar. F’dan ir-rapport/studju bl-isem ta’ ‘A proposal towards the defintion and estimate of the national living income in Malta 2022’ jikkonferma dak l-anzjani mhumiex qed ikollu livell diċenti ta’ għajxien.


Permezz ta’ kalkoli mibnija fuq seba’ bżonnijiet, fosthom is-saħħa, l-ikel, akkomodazzjoni, dan ir-rapport ħareġ threshold ta’ kemm wieħed f’kull kategorija għandu jkollu dħul biex jassigura li jkollu livell ta’ għajxien diċenti.


Dan l-istudju jagħmel linja u jagħti ċifra ta’ kemm persuna għandha jkollha dħul biex tgħix b’mod diċenti.
F’dan ir-rapport l-anzjani li jgħixu weħidhom għandhom bżonn dħul mill-inqas ta’ €12,000 fis-sena filwaqt li koppja anzjana għandha bżonn ikollhom dħul mill-inqas ta’ kwazi 18,000. Ir-rapport jiddikjara li 71% mill-anzjani weħidhom f’pajjiżna (kwazi 20,000 anzjan li jgħixu weħidhom ) li m’għandhomx dan id-dħul.
Hemm kważi 18,000, jigifieri 68% tal-kopji anzjani li ma għandhomx dan id-dħul. Dan ifisser li għandha diversi anzjani li qegħdin jgħixu l-aħħar stadju ta’ ħajjithom ma jistgħux jgħixu b’mod diċenti. Nemmen li dan huwa insult lill-anzjani.


Albert Buttigieg staqsa jekk wasalx iż-żmien li bħala turija ta’ apprezzament tal-ħidma tagħhom matul is-snin u għas-sagrifiċċji li huma għamlu, titneħħa kull tip ta’ taxxa fuq il-pensjoni tagħhom. Hu ppropona li t-taxxa fuq kull pensjoni tispiċċa.


Hemm bżonn biex l-anzjani jibqa’ jkollhom livell ta’ għajxien tajjeb jeħtieġ li jibqgħu, sakemm jistgħu, jgħixu fil-komunità tagħhom. Kien il-PN fil-gvern li daħħal il-home help, telecare, meals on wheels, is-servizz tal-handyman u skemi għal carers.


Hu stieden lill-Ministru tal-Akkomodazzjoni biex jerga’ jiftaħ mill-ġdid din l-iskema tat-twaħħil tal-madum tal-art fid-djar tal-anzjani. L-abbuz ta’ dawn is-servizzi u abbuż fuq l-anzjani għandu jkun priorità għal din l-Awtorità l-gdida.


Huma diversi barranin fostna li jagħtu dan is-servizz, tajjeb li jkun hemm għall-inqas livell ta’ Ingliż tajjeb imma li jkollhom sensittività kulturali u anke dik reliġjuża.


Hu qal li l-abbuż fuq l-anzjani mhuwiex biss wieħed fiziku imma jista’ ikun ukoll emozzjonali. Min-naħa l-oħra, s-solitudni hija l-akbar problema li għandhom l-anzjani. Il-kunsilli lokali għandu jkollhom social workers/community workers li jżuru b’mod regolari lil dawn l-anzjani.


Unit ieħor li jista’ jgħin lill-anzjan jibqa’ fil-komunità huwa li jkun hemm iċ-ċentri għal matul il-lejl.
Punt ieħor biex l-anzjani jkollhom livell ta’ għajxien ahjar huwa li jkollhom aċċess liberu spazji mifutħa b’mod partikolari fejn hemm il-promenades. Għalkemm il-promenades huwa l-post fejn jistgħu jimxu dan ma jistghux jagħmluh b’serħan il-moħħ minħabba l-kwistjoni tal-escooters, sostna d-deputat Nazzjonalista.