Graziella Galea, PN
Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet fil-parlament li l-Awtorità għall-Istandards għall-Anzjani għandha tkun waħda professjonali u mhux magħżula mill-ministru.
Graziella Galea qalet li s-setgħet kollha se jkunu vestiti fl-Awtorità u għalhekk din se tkun qed tieħu ħsieb lill-anzjani bi prijorità. Hi kkritikat il-mod kif il-ministru qed jingħata poteri esaġerati f’din l-Awtorità. Għall-PN, l-anzjani huma parti integrali mis-soċjetà u għandu jkun assigurat li huma jkunu inklużi fil-ħajja ta’ kuljum.
Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar l-importanza tal-inklussività u qalet li gvernijiet Nazzjonalista wettqu ħafna għall-anzjani wara l-elezzjoni tal-1987. L-anzjani ngħataw iktar dinjità matul is-snin f’pajjiż fejn hawn kwart tal-popolazzjoni huma anzjani.
Graziella Galea sostniet li għandhom ikunu stabbiliti, milħuqa u miżmuma livelli ta’ kwalità li jingħataw f’kull dar għall-anzjani. Dawn il-livelli għandhom dejjem ikunu mtejba skont il-ħtiġijiet tal-anzjani. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom jiżdiedu u għandu jun assigurat li ma jkunx hemm anzjani li jdumu jistennew biex jidħlu f’dawn ir-residenzi.
Graziella Galea qalet li għandu jkun hemm koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet li jħarsu l-anzjani fosthom fit-tluq tal-anzjani mill-isptar għar-residenza. Jirriżulta li l-pazjenti m’humiex ikunu trattati bil-galbu neċessarju fdawn il-mumenti mill-iktar delikati.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li hawn 7,000 persuna li jbatu bid-dimentia li l-maġġoranza tagħhom huma anzajni; għalhekk dawn għandhom jingħataw l-aqwa servizzi. Għandu jkun hemm iktar sodod u professjonisti ppreparati għal dawn il-pazjenti.
Graziella Galea kompliet li r-regoli għandhom ikunu aġġoranti, li l-persuni fis-settur kunu mħarrġa, li dawk qed jagħtu s-servizzi jkunu kapaċi jikkomumikaw mal-anzjani u li jkun aċċertat li l-anzjani jingħataw l-attenzjoni meħtieġa. Hi appellat biex l-Awtorità tkun komposta min-nies professjonisti u ma tkunx magħżula mill-ministru.