“Missieri spiċċa, agħar minn mejjet. Spiċċa għadma u ġilda u qed jiddeterjora. Kien sportiv aktar minni u issa spiċċa ma jistax jieħi nifs sew u jiekol waħdu.” Hekk iddeskrieva il-qagħda ta’ Joe Carabott wieħed minn uliedu hekk kif kommoss xehed fil-Qorti meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ mara u żewġt irġiel akkużati b’attentat ta’ qtil u serq minn ħanut tal-ġojjellerija fiż-Żurrieq.
Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia komplew jinstemgħu l-provi kontra żewġt irġiel Marokkini: Zuhair Hadoumi ta’ 26 sena residenti Tas-Sliema u Mohamed Anas Boualam ta’ 37 sena li joqgħod Ħaż-Żebbuġ li qed jiġu akkużati flimkien ma’ Donna Sciberras ta’ 29 sena, mingħajr indirizz fiss, u li hija magħrufa sew mal-Pulizija.
Huma qegħdin jiġu mixlijin li wettqu dan ir-reat fil-25 ta’ Awwissu li għadda filgħaxija. Wara li xehdet il-mara tal-vittma li qalet li kienet qed tisetennih imur għaliha d-dar wara l jagħlaq il-ħanut u iżda baqa’ ma tfaċċax, xehed wieħed minn uliedu li rrakkonta dak kollu li għadda minnu meta mar-raġel t’oħtu rnexxielu jkisser ħġieġa u jidħol fil-ħanut li kien imsakkar.
Hemm huwa raha xena tal-biża, missieru wiċċu l-isfel marbut u rasu daqshiex minħabba l-ġrieħi li ġarrab. Missieru lanqas ma kien qed jirrispondih bl-uffiċjali tal-protezzjon i ċivili jkollhom jaqtgħu l-ħadid tal-garada tal-ħadid biex l-ambullabza setgġet tkun tista’ tieħdu l-isptar.
It-tliet akkużati qed iwieġbu mhux ħati ta’ akkużi ta’ attentat ta’ qtil, ġrieħi gravi bi strument li jaqta’ u bil-ponta, li żamm lill-vittma kontra r-rieda tiegħu sabiex jheddih, serq aggravat u li kkawża ħsara volontarja b’valur ta’ aktar minn €2,500.
Aktar akkużi huma relatati mal-ġarr ta’ sikkina fil-pubbliku u l-użu tagħha waqt it-twettiq ta’ reat, kif ukoll li ma obdiex ordnijiet legali tal-pulizija. Iben il-vittma qal fil-Qorti li l-ewwel indikazzjoni li xi ħaġa marret ħażin kienet meta missieru naqas milli jmur għal ommu fil-ħin miftiehem.
Huwa kien mar il-ħanut biex jara jekk kollox kienx tajjeb u sab ix-shutter magħluq. Waqt li jħares mis-shutter, ir-raġel lemaħ lil missieru fil-kamra ta’ wara, marbut u ma jistax jiċċaqlaq u pprova jisgassa x-shutter tal-metall biex jinfetaħ, iżda mingħajr suċċess.
Aktar tard waslu membri tal-familja fosthom ir-raġel ta’ oħtu u kisbu aċċess għall-ħanut billi qatgħu tieqa. Il-vittma kien f’għadira demm f’kamra li tintuża bħala l-workshop. F’dik il-kamra, l-uffiċjali tal-pulizija kienu sabu wkoll żewġ safes kbar, li wieħed minnhom kien miftuħ u vojt u l-ieħor magħluq iżda mhux imsakkar.
Fil-fatt iben il-vittma qal li fil-ħanut kien hemm rebus sħiħ. Tenna li kif wasal fuq il-post ra l-karozza pparkata u ħa x-xokk ta’ ħajtu għax shutter magħluq. Qal li wara ħafna taħbit, ra lil missieru rasu l-isfel wiċċu ma’ l-art.
Kompla li hu beda jgħajjat kemm jiflaħ u kien koppja għadha żgħira fit-triq li ppruvaw jgħinuh jisforza x-shutter imma kien kollu għal xejn. Tenna li kienu ċemplu lill-Pulizija u min kien fil-viċinanzi gtiegħu ta daqqa t’id u kulħadd beda jċempel għal għajnuna,
“Ħadlu ritratt minnbarra l-ħanut minn fuq il-mobile, u dan minn fuq wara tal-ħanut b’idejh marbuta, liema ritratt flimkien ma ieħor minn angolu ieħor ppreżenta lill-Qorti. Tenna li seta’ jinnota li minn naħa ta’ missieru kien hemm xi ċaqliq żgħir tas-saqajn, li din urietu li għadu ħaj, iżda deher li kien qed ibati ħafna biex jieħu n-nifs.
Iben il-vittma kompla jgħid li wara ftit tal-ħin bdew jaslu l-Pulizija, kemm tad-Distrett u oħrajn u membri tal-protezzjoni. Tenna li meta beda jara li ma setax jiftaħ ix-shutter beda jaħsibha jekk jaqbadx il-karozza u jifqaw biha, għax missieru kien f’dik il-qagħda.
Kien wara xi 10 minuti jissielet meta kienu waslu fuq il-post oħtu u żewġha li irnexxielhom jifqgħu ħġieġa “bullet proof” u daħlu ġewwa. L-ewwel daħal hu u warajh oħtu u r-raġel tagħha. Tenna li l-post kien kollu mudlam u missieru kien marbut b’qiesha garżella minn idejh li kienu fuq wara u wiċċu ma’ l-art.
“Kien mixli demm u deher li kien qala’ xi daqqiet”, qal b’dieqa kbira iben il-vittma. Tenna wkoll li fil-ħanut kien hemm ħafna bajtar ma kullimkien, li dan kien tahulu gar tiegħu li kien ħabib. Kompla li ftit wara waslu tas-CID u fire engine fejn fetħu l-bieb u għenu lin-nurse biex tidħol mit-tieqa u lil missieru poġġewlu maskra għan-nifs u wasal ukoll stretecher u tpoġġa fl-ambullanza.
Ix-xhud qal li mar man-nurse fl-ambullanza dritt għall-emerġenza, fejn anke lilu għamluli l-punti għax weġġa meta pprova jidħol għal missieru fil-ħanut. Qal li lil misseru ħadulu ‘city scan’ u qalulu li hemm damage kbir fir-ras.
Wara xehed kuntistabbli li qal li assista lill-espert Martin Bajada fil-filmati tas-CCTV’s u li hawn deheru t-tliet akkużati jidħlu fil-ħanut u li kienu waslu b’karozza Peugeot bajda. Huwa kien ukoll kompla bl-investigazzjonijiet sakemm wara xi jiem kienu ġew arrestati l-imputati.
Qal li filmati miġbura minn CCTV cameras installati f’residenzi urew lill-ħallelin ġejjin mid-direzzjoni tal-knisja parrokkjali taż-Żurrieq, jaqsmu t-triq ħdejn l-iskola, jaqsmu mill-ġdid qrib il-ħanut, qabel damu barra minnu għal ftit minuti.
“Donna Sciberras kienet faċilment tingħaraf mill-filmati,” qal ix-xhud . Ir-rotta li ħadu l-ħallelin ġiet traċċata permezz ta’ filmati tas-CCTV sa Blue Grotto avenue, fejn bidlu l-karozzi. Il-pulizija għarfu lit-tieni suspettat, Mohammed Anas Boualam minn filmati tas-CCTV li jiġbdu l-bidla tal-karozza.
L-investigaturi nnutaw li t-tlieta kienu waslu f’Peugeot bajda, li kienet niżżelhom ħdejn il-knisja taż-Żurrieq. Sid il-karozza ġie interrogat u qal lill-pulizija li l-vjaġġ kien ibbukkjat fuq Bolt permezz ta’ kont reġistrat bl-isem “Anas Ines”. Il-passiġġieri kienu nġabru minn Ħaż-Żebbuġ fis-6:31pm u kienu waslu ż-Żurrieq madwar 20 minuta wara.
Wara s-serqa, huma kienu għamlu l-ħarba tagħhom f’dik li dehret li kienet taxi oħra. L-investigazzjonijiet dwar ix-xufier għadhom għaddejjin, qalet il-Qorti. Inħarġu mandati ta’ arrest għat-tliet suspettati. Fl-ewwel indirizz imfittex, il-pulizija sabu raġel Eġizzjan.
Huwa qal lill-pulizija li Boualam kien jgħix f’kamra fis-sular t’isfel u dan l-aħħar mara msejħa Donna kienet marret magħha. Il-pulizija sabu d-droga meta fittxew fil-kamra użata mill-koppja, qal l-ispettur. Tfittxija fil-kamra tar-raġel Eġizzjan wasslet għas-sejba ta’ oġġett żgħir li tipikament jintuża għall-ġojjellerija flimkien mal-ġakketta li kellha Donna Scibberas waqt is-serqa.
Mowbajl u fajl li fih dokumenti Marokkini għal Boualam. Mill-kamra ġew irkuprati wkoll par imsielet tad-djamanti u perla. Il-Pulizija skoprew borża li fiha madwar 620 pillola suspettata li kienet ecstasy ġewwa waħda mill-gwardarobbi.
It-tielet suspettat deher fis-3:15am tas-Sibt, qabad taxi minn Sa Maison u sejjer lejn Tas-Sliema, iżda l-informazzjoni ma kinitx biżżejjed biex jintraċċah. Skuża fl-investigazzjoni seħħ aktar tard il-Ħadd meta l-investigaturi ntqal li l-isem tat-tielet persuna kien Zuhair Hadoumi, li jista’ jkun qed jgħix f’residenza f’San Ġwann jew Tas-Sliema.
Appartament ġewwa Tas-Sliema fi Triq Manuel Dimech, tefgħa ta’ ġebla mill-għassa ta’ Tas-Sliema ġie identifikat u aktar tard sar rejd mill-pulizija. “It-tliet suspettati indunaw li konna ġewwa r-residenza u ppruvaw jaħarbu minn fuq il-bjut. Donna Sciberras instabet fuq il-bejt tal-binja inkwistjoni, filwaqt li ż-żewġ suspettati l-oħra nstabu fuq il-bejt ta’ appartament ieħor.
Xehed ukoll ir-raġel tat-tifla tal-vittma li kienet simili għal dik ta’ iben il-vittma. Qal li jiftakar li dan inhar tal-inċident kien il-Ġimgħa fejn kienu qed jippreperaw biex imorru jieklu l-Marsa għal xis-7.30pm. Il-familja bdiet tikkomunika fuq dak li kien seħħ u bdejw jinkwetaw.
Kien ħu l-mara (ix-xhud preċedenti) li ċempel u beda jispjega x’kien qed iseħħ. Qal li saqu lejn iż-Żurrieq b’veloċita eċċessiva u sabu lil iben il-vittma fi stat ta’ paniku. U wara permzz ta’ sgass irnexxielhom jidħlu fil-ħanut.
Ikkonferma li l-kunjatu tiegħ ma bedhiex jirrispondi bl-ebda mod kif għadu sal-lum stess. “Kien bniedem ta’ veru qal ix-xhud u fabbli ma’ kulħadd u kellu ħafna ħbieb u sportiv per eċċellenza, Għal Sciberras qed jidher l-Avukat Brandon Kirk Muscat filwaqt li l-avukat Mark Mifsud Cutajar qed jirrappreżenta liż-żewġ imputati l-oħra.
L-avukati tal-AĠ Anthony Vella u Kaylie Bonett, flimkien mal-ispetturi Shaun Pawney, Lydon Zammit, Jonathan Cassar u Stephen Gulia qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher bħala parte civile fil-każ. Il-kumpilazzzjoni se tkompli nhar il-Ġimgħa fid-9am.
//= $special ?>