Sport

Snooker: Malta tipparteċipa għall-ewwel darba fil-5 Nations International Challenge Cup

Kontiġent Malti ta’ plejers amateurs tas-Snooker l-Erbgħa filgħodu mar Edinburgh, l-Iskozja, biex għall-ewwel darba jieħu sehem fil-5 Nations International Challenge Cup li fiha, barra Malta, ser jieħdu sehem l-Iskozja, ir Repubblika Irlandiża, l-Irlanda ta’ Fuq u Franza.

Din ser tkun il-ħdax-il edizzjoni ta’ dan it-tournament internazzjonali li ser jiġi organizzat fl-istess lokalità li nżammet l-edizzjoni tal-2017. L-ewwel edizzjoni kienet saret fl-2012 f’Ronchin, viċin il-belt ta’ Lille fi Franza u ntrebħet mir-Repubblika Irlandiża li minn 10 darbiet ħarġu rebbieħa f’seba’ edizzjonijiet bit-tlett rebħiet l-oħra jmorru għand l-Irlanda ta’ Fuq.

It-tim Malti ser ikun kompost minn tmien plejers, Chris Peplow, Isaac Borg, Joseph Casha u Arthur Cachia li ser jilagħbu fil-katergorija tal-irġiel filwaqt li Philip Ciantar, Ivan Attard, Emanuel Mallia flimkien ma’ Arthur Cachia, li ser jilgħab fit-tim tal-irġiel ukoll, ser jieħdu sehem fil-kategorija tal-Masters. F’dan it-tournament hemm ukoll id-Diviżjoni tal-Juniors u rappreżentant Malti f’din l-kategorija huwa Luke Pace. Ivan Attard huwa l-captain tat-tim Malti.

L-ewwel impenji għal plejers Maltin jibdew il-Ħamis wara nofsinhar u l-ewwel konfront huwa kontra l-Irlanda ta’ Fuq. Il-Gimgħa Malta tilgħab darbtejn, l-ewwel kontra r-Repubblika Irlandiża u aktar tard filgħaxija kontra l-Iskozja. Is-Sibt fl-aħħar jum ta’ dan it-tournament Malta tiltaqa’ ma Franza.

Il-pajjiż rebbieħ ikun dak li jirbaħ l-akbar numru ta’ frames. Il-President tal-Malta Billiards & Snooker Association, Ivan Brincat, li qed imexxi d-delegazzjoni Maltija ħabbar li l-edizzjoni tas-sena d-dieħla ser tkun organizata f’Malta.