Raġel ta’ 25 sena min-Nepal ġie kundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li f’Lulju li għadda kkaġuna ġrieħi ħfif fuq anzjana ta’ 74 sena kif ukoll li seraqha. L-inċident ġara fis-27 ta’ Lulju, għall-ħabta tat-3.30pm, meta l-Pulizija daħlilha rapport li anzjana li kienet miexja fit-triq f’San Pawl il-Baħar u sfat aggredita.
Xi ħadd kien ħatfilha l-portmoni minn idejha. Il-Pulizija kienu identifikaw lil Madhu Sapkota permezz ta’ filmati tas-sigurtà meħuda mis-CCTV li kienu ġabru mill-inħawi li fihom seħħet is-serqa. Sapkota ammetta l-akkużi kontrih u kien wera ruħu ddispjaċut għal li għamel.
Huwa kien ikkollabora mal-Pulizija u ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri xi ħaġa li l-Qorti kkunsidrat. Madankollu l-Qorti kellha kliem iebes għal reati bħal dawn li jsiru fuq persunu vulnerabbli. Sapkota li m’għandux indirizz fiss kien tressaq mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.
Meta tressaq Sapkota kien qal li ilu xahar ma jaħdimx u li qabel kien jaħdem l-ajruport jerfa’ l-bagalji, L-avukat difensur Josette Sultana u l-prosekuzzjoni kienu qablu li l-akkużat iddispjaċih b’li għamel, ikkollabora mal-Pulizija u ammetta fi stadju bikri.
Huma qablu li l-piena għandha tkun waħda minima ta’ tliet snin ħabs. Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-Qorti trid tgħaddi messaġġ lil kulħadd li l-vjolenza f’dan il-pajjiż mhix aċċettata. Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-anzjani jridu jingħataw protezzjoni assoluta.
//= $special ?>