Nhar is-7 t’Ottubru fil-ġnien taċ-Ċentru Ċiviku saret iċ-ċerimonja ta’ ġieħ is-Swieqi. Is-Sindku, il-Viċi Sindku u l-Kunsilliera flimkien ma’ varji persuni distinti, in-nominati, il-proponenti u diversi residenti attendew bi ħġarhom għal din is-serata. Dan l-unur beda jingħata fis-sena 2019 u malajr qed issir tradizzjoni li ngħożżu ġewwa s-Swieqi.
Il-Kunsill dejjem ħass il-bżonn li jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet siewja li ċertu persuni u organizzazzjonijiet jagħtu u li jħallu impatt pożittiv fuq il-komunita’ tas-Swieqi. L-unur ta’ Ġieħ is-Swieqi jirrappreżenta ġest simboliku pubbliku b’messaġġ ta’ ringrazzjament u apprezzament lil dawk l-individwi u gruppi li jkunu spikkaw f’oqsma bħall-kultura, l-volontarjat, l-isport, u kisbiet jew kontribuzzjonijiet siewja oħra lejn it-titjib tas-soċjeta’.
Fiċ-ċerimonja ta’ din is-sena, fost il-mistednin distinti, il-Kunsill laqa’ wkoll lill-President tal-Parlament Ewropew, Dr. Roberta Metsola, li għexet għal bosta snin ġewwa s-Swieqi. Is-Sindku, s-Sur Noel Muscat ippreżentaha b’tifkira kommemorattiva għall-kariga prestiġjuża li bħalissa qed tokkupa. Il-President irringrazzjat lill-Kunsill ta’ din it-tifkira u qalet li dan ikompli jimliha b’iktar determinazzjoni sabiex isir iktar xogħol favur il-kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kull ċittadin. Fost il-mistednin, kien hemm ukoll it-tim femminili tal-futbol ta’ Swieqi United, fejn dawn ġew preżentati b’ tifkira għas-suċċessi kbar li għamlu fil-kampjonat tas-sena l-oħra, fejn kienu anke rebħu n-knockout.
Iċ-Ċerpersin tal-Bord tal-Għażla, l-Imħallef Emeritu David Scicluna ppreżenta rapport dettaljat dwar l-għażliet tal-Bord. Is-serata kompliet billi tqassmu tifkiriet u ċertifikati lin-nominati kollha ta’ dis-sena. Is-Sindku rringrazzja lil dawk l-individwi kollha li ġew nominati tal-kontribuzzjonijiet tagħhom. Huwa saħaq li l-Kunsill huwa kburi ħafna b’dawn il-persuni li dejjem taw eżempju tajjeb ħafna lis-soċjeta’ kif ukoll wettqu xogħol siewi b’valuri sogħda u rispett.
Ir-rebbieħa ta’ dan l-unur ta’ din is-sena huma s-Sur Bertu Aquilina, l-Ibraġ Mother and Baby Club u s-Sur Mark Serge.
Is-Sindku feraħ lir-rebbieħa kollha u rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom biex din iċ-ċerimonja tkun waħda ta’ suċċess.
//= $special ?>