Ivan J.Bartolo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan J.Bartolo qal fl-Aġġornament tal-parlament li d-dibattitu politiku fil-pajjiż għandu dejjem ikun wieħed matur.
Ivan J.Bartolo tkellem dwar l-Air Malta u qal li hu mill-ewwel kien appella għal dibattitu matur. Hu kompla li l-politika għandha ssir bil-maturità għaliex qed jikber l-ammont ta’ nies li ma jridux jivvutaw u li qed jaqtgħu qalbhom mill-politika.
Id-deputat Nazzjonalista qal li kien hemm biss żewġ persuni li ma kinux maturi fid-diskussjoni; Karl Stagno Navarro – li daħħal il-flus minn fuq l-Air Malta – u Simon Mercieca. Hu qal li dawn ikkwotaw kollox ħażin dwar dan is-suġġett u dwar dak li qal hu fuq il-fatt li l-Air Malta trid topera bi 370 persuna.
Id-deputat Nazzjonalista qal li f’dibattitu mal-Ministru Clyde Caruana hu issuġġerixxa li jekk ikun bżonn ta’ iktar nies fis-sajf flok ikunu impjegati nies full-time, ikun hemm kuntratturi fuq bażi ta’ part-time. Minkejja din l-ispjega, Karl Stagno Navarra kien qal li Ivan J.Bartolo jrid li l-gvern ma jimpjegax nies mal-Air Malta meta dan ma kienx minnu.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hu lest ikompli jiddibattiti dwar l-Air Malta. Hu kien qal ukoll li l-Oppożizzjoni kienet talbet dibattitu dwar l-Air Malta fejn hu kien ippropona li n-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea jingħalqu fl-interess snazzjonali.
Ivan J. Bartolo kompla li hu kien iddikjara ukoll kemm ħadem viċin il-Ministru Caruana fuq din is-sitwazzjoni iżda minkejja dan Karl Stagno Navarra ivvinta fuq l-istazzjon Laburista. Fil-parlament hawn min hu impenjat biex il-politika jkollha l-integrità li jixraqlu l-pajjiż li jinsab f’salib it-toroq, sostna Ivan J.Bartolo.