Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Żjara ta’ Lavrov tikkonsolida l-alleanza ma’ Pyongyang fost l-arranġament militari

L-Istati Uniti wissiet mill-ġdid li kwalunkwe għajnuna militari lir-Russja mingħand il-Korea ta’ Fuq komunista tkun qed issir b’abbuż sfaċċat għar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

Dan fost l-inkwiet li r-Russja qed tixtri l-armamenti u l-munizzjon mingħand il-Korea komunista u li għandhom jintużaw fil-gwerra tal-Kremlin kontra l-Ukrajna. L-iżviluppi huma pjuttost mistennija meta Moska u Pyongyang jidhru li qed jikkonsolidaw dejjem aktar l-alleanza li tinkludi aspett militari ‘qawwi’.

L-Istati Uniti anki ċirkolat informazzjoni miġbura mis-sorsi sigrieti flimkien ma’ ‘provi’ li jindikaw l-ewwel fażi tat-trasferiment ta’ munizzjon u artillerija minghand il-Korea ta’ Fuq lir-Russja.

U t-tisħiħ tal-alleanza bejn Moska u Pyongyang kompliet biż-żjara uffiċjali tal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, fil-Korea ta’ Fuq…Żara li fiha Lavrov insista li Moska qed timpenja ‘appoġġ mingħajr kundizzjonijiet’ lill-Mexxej komunista Kim Jong Un.

Xejn anqas sinifikattiv kien ir-ringrazzjament, min-naħa ta’ Lavrov, lill-Korea ta’ Fuq ‘għall-appoġġ li hi qed tagħti lil pajjiżu’ waqt il-konflitt fl-artijiet Ukreni.

Numru ta’ esperti, fl-istess ħin, qablu li r-Russja qed tagħmel minn kollox biex tkattar u tiżviluppa l-Alleanza li tinkludi lill-Korea ta’ Fuq,  l-Iran u ċ-Ċina bħala ‘front determinat kontra l-Istati Uniti u l-Punent’.

U ż-żjara ta’ Lavrov fil-Korea ta’ Fuq x’aktarx li qed twitti t-triq għal żjara potenzjali fil-pajjiż mingħand il-President Russu Vladimir Putin.

Dan ukoll meta fl-aħħar jiem ma naqsux l-akkużi li l-Korea ta’ Fuq qed tibgħat il-kunsinni kbar tal-armamenti lir-Russja bħala ‘pass mistenni’ wara ż-żjara ta’ Kim Jong-un fir-Russja matul ix-xahar li għadda,. Waqt din il-laqgħa, Kim kien iltaqa’ ma’ Vladimir Putin biex jiddiskuti ‘il-possibbiltajiet’ għall-kooperazzjoni militari.