Lokali Qorti

Liberat bil-kundizzjoni wara li ħebb għal xufier tal-linja

Raġel ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor f’perjodu ta’ tliet snin wara li nstab ħati li ħebb u weġġa’ xufier ta’ karozza tal-linja f’Buġibba. Omar Orsini kien investigat u sussegwentement mixli mill-Ispettur Godwin Scerri li fis-6 ta’ Settembru 2018, f’San Pawl il-Baħar, ikkaġuna ġrieħi gravi lix-xufier.

Ix-xufier xehed fil-Qorti li huwa kien għaddej bil-karozza tal-linja f’Buġibba meta sema’ ħorn u ra vann abjad ġej mill-ġenb tiegħu. Fih kien hemm persuna li qed tagħmillu sinjal bil-mobile f’idejha. Kompla jgħid li waqaf, għax riedu jniżlu l-passiġġieri.

Dak il-ħin Orsini mar fuqu u tah daqqa fuq ħalqu b’rasu, ġibdu u waqqgħu għal fuq il-bankina. Ix-xufier qal ukoll lill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li hu mar l-għassa tal-Pulizija jagħmel rapport u kellu idu żlugata.

Minn hemm mar fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta u qalulu li kellu ġrieħi ħfief. Peress li baqa’ muġugħ għamel aktar testijiet u rriżulta li kellu bżonn jagħmel operazzjoni u minħabba f’hekk kellu jieqaf imur għax-xogħol.

It-Tabib Mario Scerri, espert tal-Qorti – kkonferma li x-xufier sofra ġrieħi gravi waqt li t-Tabib John Casaletto xehed li l-vittma kellu jagħmel operazzjoni. Il-Qorti rrimarkat li għalkemm fil-kawża ġew ippreżentati xi filmati tal-cameras tas-sigurtà minnhom ma tirriżultax l-aggressjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu qalet li ma tistax issibu ħati ta’ feriti gravi iżda feriti ħfief. Fl-istess waqt iżda qalet li hija temmen ix-xhieda tal-vittma u waqt li sabet lil Orsini ħati, illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.

Għal dak li jirrigwarda l-piena li għandha tiġi inflitta, l-Qorti qalet liqed tieħu in konsiderazzjoni l-fedina penali ta’ l-imputat, fejn l-aħħar entrata li kellu fil-fedina penali tmur lura għas-sena 2016, u għalhekk ma tħossx li f’din iċċirkostanza l-Qorti għandha tagħti piena karċerarja effettiva lill-imputat.