Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani għadha ferm imprevedibbli wara jiem ta’ tħejjijiet għall-offensiva kbira mill-art tal-qawwiet Iżraeljani fuq it-terroristi tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.
U waqt li l-Punent u l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani huma inkwetati dwar eskalazzjoni tal-gwerra fir-reġjun, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Rishi Sunak – bħall-President Amerikan Joe Biden qablu – mar f’Iżrael fejn iltaqa’ mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu f’Ġerusalemm.
Dan waqt li Sunak wassal il-messaġġ ċar li ‘ir-Renju Unit u l-popli li jridu l-paċi huma ansjużi’ li Iżrael jegħleb it-theddida tat-terroristi (tal-Hamas) man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Rishi Sunak hu fost l-aktar mexxejja tal-Punent li esprimew appoġġ ‘totali’ għal Iżrael, bil-Prim Ministru Britanniku ma jżommx lura minn kundanna assoluta għall-massakri tal-familji Iżraeljani taħt idejn it-terroristi tal-Ħamas li xprunaw din il-gwerra wara li invadew lit-territorji Iżraeljani fis-7 ta’ Ottubru u qatlu lill-aktar nies vulnerabbli – mingħajr l-ebda rispett għat-tfal u t-trabi.
Għaldaqstant, Sunak qal bla tlaqliq li ‘Iżrael għandu kull dritt li jippersisti wara l-Ħamas’ u li r-Renju Unit se jkompli juri solidarjetà mal-Iżraeljani f’dan iż-żmien diffiċli. Fl-istess ħin. il-Prim Ministru Britanniku tenna li l-poplu Palestinjan ‘ukoll’ hu vittma tal-kapijiet terroristi tal-Ħamas filwaqt li esprima tamiet li jirnexxi l-pjan biex l-għajnuna umanitarja tant meħtieġa tasal lill-poplu ta’ Gaza mill-Eġittu.
Ir-Renju Unit beħsiebu jżid l-għajnuna lejn dan ir-reġjun waqt li jiġġenera aktar appoġġ għar-residenti ċivili li qed ibatu intortament miċ-ċirkustanzi terribbli.
Intant, il-qawwiet Iżraeljani komplew jibbumbardjaw lil Gaza wara li mijiet tal-eluf tan-nies kienu kostretti li jabbandunaw djarhom biex ma jinqabdux fl-eqqel tal-gwerra.
Tkellem anki l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu li qabbel il-gwerra mal-Ħamas mal-gwerra kontra n-Nażisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Hu fakkar lil Sunak li d-dinja, 80 sena ilu, iġġieldet spalla ma’ spalla mal-Britanniċi kontra l-qawwiet tal-ħażen u li ‘il-preżent irid jitqies bħala l-aktar perjodu iswed għal Iżrael u għad-dinja’ li għandha tbati minn eskalazzjoni tal-konflitt li qed tidher ferm reali.
Netanyahu, filwaqt li rrefera għall-Hamas bħala ‘in-Nażisti l-ġodda’, tenna li din se tkun gwerra twila u li Iżrael se jeħtieġ il-massimu tal-appoġġ mingħand il-pajjiżi demokratiċi biex jelimina lill-entitajiet terroristiċi kollha fir-reġjun.
//= $special ?>