Bħalissa jinsab għaddej proċess ta’ restawr fuq il-Kappella tal-Madonna tad-Dawl, f’Ħaż-Żebbuġ.
Din il-kappella hija waħda mit-tlettax-il proġett fl-aħħar skema ta’ restawr għall-Kunsilli Lokali … Proġett li kien propost mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ stess – xogħol li beda f’Settembru ta’ din is-sena, u li mistenni jkun lest fi żmien sena.
Il-Kappella ddedikata lill-Madonna tad-Dawl hija waħda mill-eqdem kappelli f’Ħaż-Żebbuġ. Qabel inbniet din il-kappella, fil-post kienet teżisti kappella oħra.
Fil-gwerra, il-kappella ħelsitha ħafif minn bomba meta din waqgħat fil-viċin u ma splodietx. Iżda sfortunatament meta l-bomba xorta kellha tiġi sploduta fil-post, il-kappella ġarrbet ħafna ħsarat, speċjalment fil-kampnar. Il-ħsara tranġat mill-ewwel biex b’hekk il-kappella setgħet tkompli tintuża.
Il-Perit responsabbli mix-xogħlijiet Audrey Ann Bonnici, min-naħa tagħha spjegat, li x-xogħol ta’ restawr jinkludi fost l-oħrajn it-tindif tal-faċċata u tal-kampnar, tikħil ta’ fili b’taħlita ibbażata fuq il-ġir u rikostruzzjoni ta’ partijiet neqsin jew li ddeterjoraw, u restawr tal-aperturi.
Ix-xogħol kollu, mill-bidu tad-dokumentazzjoni, l-applikazzjoni għall-permess tal-Awtorita’ tal-Ippjanar kif ukoll ix-xogħol fuq il-kappella innifisha qiegħed isir mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
//= $special ?>