Lokali

“Deċiżjoni li tikkonferma n-nuqqas ta’ viżjoni politika li għandu l-Gvern” – ROTA

Id-deċiżjoni tal-Gvern li minn Marzu li ġej iwaqqaf il-kiri tal-e-kick scooters qajmet reazzjoni kbira minn bosta fosthom mill-għaqda ROTA illi qalu li din hija deċiżjoni li tikkonferma n-nuqqas ta’ viżjoni politika li għandu l-Gvern għal dan is-settur u n-nuqqas ta’ interess li jirregola dik li tissejjaħ ‘shared micro mobility’.

Il-Ħamis il-Gvern ħabbar li mill-1 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ projbizzjoni fuq il-kiri ta’ scooters elettriċi. Dan filwaqt li l-użu tal-e-kick scooters privati xorta se jkun permissibbli skont il-liġi li hemm fis-seħħ.

Fi stqarrija, l-għaqda ROTA qalet li mingħajr sigurtà fl-infrastruttua ta’ pajjiżna fosthom ‘drop-off points’ apposta, dawk li jużaw l-e-scooters mhux qed ikollhom għażla oħra ħlief li jużaw il-bankini flimkien man-nies.

L-għaqda qalet li dawn il-problemi jirriflettu nuqqasijiet fl-insfrastruttura lokali, li minn dejjem tat prijorità lill-karozzi għad-detriment tal-persuni li jridu jużaw mezzi diffferenti ta’ trasport. Dan wassal biex jinħoloq aktar periklu għall-persuni li jkunu mexjin fuq il-bankini.

ROTA saħqet li jekk verament pajjiżna jrid li l-persuni jħossuhom iktar siguri fit-toroq, l-awtoritajiet konċernti għandhom jaraw li jkun hawn infrastruttura aħjar għal kulħadd. U dan jista’ jsir billi jinbnew bankini iktar wiesgħa, it-toroq ikunu iktar imdawla, ikun hemm aktar postijiet minn fejn ikunu jistgħu jaqsmu n-nies u jkunu revokati dawk il-liċenzji tas-sewqan kollha li nkisbu illegalment.

ROTA tkompli tgħid li biex Malta tibni l-infrastruttura li verament għadha bżonn u li twassal għal bidla fil-kultura ta’ iktar użu ta’ trasport alternattiv, il-Gvern irid jimplimenta qafas regolatorju… u jkun hemm aktar infurzar sabiex ikun ikkontrollat l-abbuż.

Fakkret kif il-Gvern Laburista kien wiegħed li se jkun hemm iktar postijiet ta’ parkeġġ għall-e-scooters, iżda din il-wegħda qatt ma seħħet. U qalet li sfortunatmanet minħabba nuqqas ta’ rieda politika mill-Gvern biex jimplimenta din is-soluzzjoni, kibret il-problema ta’ nuqqas ta’ aċċessibbiltà fuq il-bankini għal dawk li jkun mexjin.

ROTA saqsiet lill-Gvern jekk it-twaqqif tal-kiri tal-e-scooters hix verament l-aħjar soluzzjoni, fejn saħqet li din id-deċiżjoni hija pass fid-direzzjoni l-ħażina li se jispiċċaw iħallsu l-prezz qares tagħha dawk iċ-ċittadini li jridu jużaw mezzi ta’ trasport alternattiv.