L-awtoritajiet fi Franza arrestaw ‘il fuq minn 20 persuna bħala turija ċara li mhumiex se jittolleraw aktar ċajt miż-żgħażagħ u t-tfal li qegħdin iwasslu għall-emerġenzi bla bżonn bit-telefonati dwar bombi li ma jeżistux fir-realtà.
L-arrestati, fil-parti kbira minorenni, se jkollhom iwieġbu għat-telefonati mimlijin bit-theddid u li wasslu għall-evakwazzjonijiet mill-ajruporti kif ukoll mill-Palazz ta’ Versailles, il-Mużew tal-Louvre u diversi skejjel u sptarijiet.
Il-ċajt ibbażat fuq it-theddid dwar bombi qed isir fi żmien ta’ tensjoni kbira fi Franza u meta l-poplu għadu xukkjat dwar il-qtil, f’Arras, ta’ għalliem li ġimgħa ilu kien aggredit minn ġiħadista fanatiku.
Numru ta’ ajruporti reġjonali, fosthom l-ajruporti ta’ Biarritz, Bordeaux, Nice, Toulouse, Lille u Brest kienu kollha suġġetti għal dawn il-‘prank calls’ bejn il-Ħamis u llum il-Ġimgħa. L-evakwazzjonijiet tal-ajruporti dovuti għal dan iċ-‘ċajt’ ilhom għaddejjin tul il-ġimgħa – b’għexieren ta’ titjiriet jispiċċaw ikkanċellati.
Is-siti turistiċi wkoll saru mira għal dan iċ-‘ċajt’, bil-programmi taż-żjarat lill-Palazz ta’ Versailles anki lbieraħ jitħarbtu għall-eluf tan-nies wara sensiela ta’ ‘theddid bit-telefon’ li l-awtoritajiet bilfors kellhom jieħduhom bis-serjetà.
L-awtoritajiet Franċiżi – fosthom is-Sindku ta’ Versailles François de Mazières — fl-aħħar sigħat komplew jappellaw biex jieqfu t-telefonati li kapaċi jħallu konsegwenzi aktar serji għall-poplu.
Iżda minkejja l-arresti – u d-diversi investigazzjonijiet mill-pulizija – l-hekk-imsejħa ‘bomb scares’ komplew matul il-ġurnata, bil-Ministru Franċiż għall-Ġustizzja, Éric Dupond-Moretti, iwissi dwar pieni aktar ħorox għal kulmin jinqabad qed jagħmel it-telefonati.
Dan fost l-evakwazzjonijiet mill-iskejjel fi Grenoble u Bourg-en-Bresse u bil-pulizija tarresta numru ta’ studenti li allegatament kienu responsabbli minn dan il-ksur tal-bwon ordni.
Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gérald Darmanin, qal, intant, li għalkemm saru diversi arresti fi spazju ta’ 48 siegħa, il-pajjiż ma kienx qed jikkonfronta xi theddida speċifika.
//= $special ?>