Is-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manche insista li huwa rreżenja mill-pożizzjoni tiegħu għaliex kien għaddej minn martirju sħiħ minn membri tal-Labour illi minflok jgħinu lir-residenti Gżirjani, kienu jgħattu u jgħinu lil dawk tal-qalba.
Dan esprimih Borg Manche innifsu waqt il-programm Spotlight fuq Net Television, preżentat minn Trevor Degiorgio.
“L-aħħar 4 snin, il-kuntrarju li rajt, jgħajjuk imbagħad,” qal Borg Manche. “Nifhem li n-nies iridu minnek, nies li jaħsbu li ma rrid nagħmel xejn għax mhux jirnexxili. Ma rridx pressure mingħand min suppost qed jaħdem favur in-nies. Għandi għalfejn noqgħod niġġieled magħhom biex jagħmlu xogħolhom?”
Mistoqsi jekk iħossux diżilluż mill-politika, Borg Manche qal li ra diversi persuni tul l-aħħar 8 snin li serva bħala sindku li provaw ikissruh meta ħadem favur ir-residenti; dan sabiex jaġevolaw persuni tal-qalba.
“Diżilluż le għaliex il-logħba issa tgħallimtha – aġevola lil dak, inħallu dik mmewtuha, u logħob minn dan,” qal Borg Manche.
Hu qal li ħassu bħallikieku Robert Abela tefgħu barra fit-triq u warrbu kompletament – filwaqt li wara r-riżenja, ħadd ma kkuntatjah biex jifhem ir-raġuni eżatta għar-riżenja tiegħu mil-Labour.
“Kemm ilu hemm dan il-leader il-ġdid, fuq il-ONE ma stidnuni qatt,” qal Borg Manche.
U minkejja l-ħafna ftaħir dwar tkabbir ekonomiku, Conrad Borg Manche qal li waħdiet qed igawdu minn dan.
“Għalhekk qed jiddejjaq il-poplu,” qal Borg Manche. “Min qed igawdi minn dan it-tkabbir ekonomiku? Żgur mhux iż-żgħir. Il-Malti qed ikollu jikkompeti ma’ persuni li jiġu minn pajjiżi tat-tielet dinja.”
Borg Manche qal li kien hemm punt partikolari fejn ma ħassux aktar parti mill-Partit Laburista.
“L-iktar li weġġatni ta’ Sofia,” qal Borg Manche. “Ma tistax tkun Labour Party, partit tal-ħaddiem, qas treatrin, għax teatrin tieħu gost tarah. Tara dak li seħħ fil-Parlament talba ġenwina, u minn din l-inkjesta se joħroġ ħafna ġid.”
Punt li wasslu biex ma jgħarafx iktar lill-Partit li kien jaħdem fih.
“Jien kont mal-Partit Laburista minħabba l-valuri, ma stajtx nirrelata iktar,” qal Borg Manche.
Kien hawnhekk fejn appella lill-Gvern Laburista immexxi minn Robert Abela sabiex jibdel l-atteġġjament tiegħu lejn il-Maltin u l-Għawdxin.
“Biex tmexxi lill-pajjiż, trid tkun tħobbu lill-pajjiż, tieħu liem deċiżjonijiet huma,” qal Borg Manche.
Fl-aħħar xhur, Conrad Borg Manche kien sejjah protesta flimkien mar-residenti Gżirjani dwar diversi sitwazzjoni li kienu ilhom għaddejjin ix-xhur. Iżda minkejja l-għajta tal-poplu, il-Gvern Laburista injorahom kompletament.
//= $special ?>