Is-Sibt filgħodu jingħata bidu għall-44 Edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race u l-55 anniversarju mill-ewwel edizzjoni. Madwar 112-il jott minn 25 pajjiż fosthom ħdax-il jott minn Malta ser jiehdu sehem f’din l-edizzjoni fir-rotta ta’ 606 mil nawtiku, ekwivalenti għal 1,122 kilometru li minn Malta tibda lejn Capo Passero minn hemm ghall-Istretto di Messina, wara lejn Stromboli u Favignana – Gżejjer Egadi u lura lejn Malta fir-rotta ta’ Pantalleria u Lampedusa bid-daħla minn Kemmuna lejn Malta.
L-akbar parteċipazzjoni hija mill-Italja bi 22 jott u Franza bi 12-il jott, Malta u Renju Unit bi 11-il jott filwaqt li l-Ġermanja bi tmienja, Stati Uniti b’seba’ u Awstrija b’sitta .
Fost il-parteċipanti saħansitra nsibu jott mill-Awstralja, El Oro ta’ Kent King.
Ir-rekord tat-tellieqa Multihull huwa dak ta’33 siegħa 29 minuta u 28 sekonda minn Argo tal-Istati Uniti u l-iskipper Jason Carroll.
Ir-rekord tat-tellieqa Monohull huwa ta’40 siegħa 17-il minuta u 50 sekonda minn Comanche tal-Gżejjer Cayman bl-iskipper Mitch Booth.
Ir-rebbieħ tas-sena li għaddiet kien Teasing Machine ta’ Eric de Turckheim ta’ Franza filwaqt li Line Honours kienu għal Leopard 3 ta’ Christopher Sherlock tal-Olanda.
//= $special ?>