Filwaqt li l-poplu ta’ Gaza qed jaffaċċja sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt, il-qawwiet ta’ Iżrael fl-aħħar sigħat komplew bit-tħejjijiet għall-offensiva l-kbira sabiex jeliminaw lit-terroristi tal-Ħamas li ilhom is-snin jattakkaw il-komunitajiet tżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Dan meta l-Iżraeljani komplew isibu katavri mbiċċra tan-nisa,irġiel u t-tfal qalb il-villaġġi u l-komunitajiet ta’ Iżrael li kienu spiċċaw mira għall-attakki storiċi tas-7 ta’Ottubru mill-Ħamas.
Fuq ix-xaqliba l-oħra… is-sitwazzjoni saret tassew iddisprata għall-Palestinjani li għadhom f’Gaza u li ilhom jiem nieqsa mill-affarijiet bażiċi, fosthom ilma tajjeb għax-xorb u fuel. Dan meta mistennija jfeġġu epidemiji qalb dan il-poplu, bl-Aġenzija tan-Nazzjonijiet għar-Refuġjati twissi li kapaċi jkun tard wisq għar-residenti Palestinjani ladarba jaslu l-ewwel kunsinni tal-għajnuna umanitarja fit-territorju.
Fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin tiswijiet fl-aċċess ta’ Rafah, fl-Eġittu, li jipprovdi l-unika triq lejn Gaza. Dan wara li l-inħawi ġarrbu l-effett tal-missili sparati mill-Iżraeljani, bis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres iżur din iz-zona biex jara personalment is-sitwazzjoni fl-inħawi.
Hemm kull possibbiltà li l-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas tinfirex aktar…b’interventi militari mill-Iran b’appoġġ għall-Ħamas. L-eskalazzjoni potenzjali tal-gwerra għandha tinkludi anki lill-militanti Lebaniżi Xiti tal-Hezbollah, li huma alleati ewlenin tal-Iran u li bħalissa qed jisparaw lejn Iżrael minn front ieħor.
Fl-aħħar sigħat ukoll, rapporti mill-belt ta’ Gaza indikaw li knisja għall-Kristjani Ortodossi li qed tipprovdi refuġju għal mijiet tan-nies intlaqtet minn missila. Jidher illi mietu talanqas 20, bil-Patrijarka Grieg Ortodoss f’Ġerusalemm ifisser il-każ bħala ‘reat tal-gwerra’.
Iżrael qal li l-ajruplani tal-gwerra tiegħu kienu qed kienu qed jattakkaw bażi tal-Ħamas fl-istess zona tal-knisja u li qed janalizza eżatt dak illi seħħ.
//= $special ?>