Internazzjonali

Il-Jemen: Imwaqqgħin missili u drones ‘destinati għal Iżrael’

Bastiment tal-gwerra tal-Istati Uniti fl-aħħar sigħat irnexxielu jinterċetta numru ta’ missili u drones sparati mill-militanti tal-Houthi fil-Jemen. Il-militanti Iżlamiċi huma alleati tal-Iran u l-kelliema f’Washington qalu li l-missili x’aktarx li kienu sparati ‘fid-direzzjoni ta’ Iżrael’.

Intant, id-destroyer USS Carney seta jinnewtralizza s-sitwazzjoni waqt li kien għaddej minn rotta fil-Baħar l-Aħmar, bil-Ġeneral tal-Pentagon, Patrick Ryder, jikkonferma li l-bastiment seta’ iwaqqa l-cruise missiles u drones kollha sparati mill-Jemen.

Fl-inċident ma weġġa’ ħadd u ma jidhirx li l-bastiment inkwistjoni seta’ kien mira għal dawn il-missli.

Fl-istess ħin, il-Pentagon f’Washington ikkonferma li fl-aħħar jiem saru diversi attakki fuq it-truppi tal-Istati Uniti bażati fl-Iraq u s-Sirja.

Dan meta l-Istati Uniti qed tissorvelja kull attività mill-gruppi alleati mal-Iran fi żmien meta Iżrael qed ikompli jattakka lil tal-Ħamas f’Gaza.