L-editur tal-PBS – l-Inġinir Charles Dalli – ikkonferma fil-Qorti li l-istazzjon nazzjonali ġieli rrapporta każijiet u xandar filmati ta’ kommossjoni li seħħew barra l-Parlament. Huwa kkonferma li fl-20 ta’ Novembru tal-2019 ix-xandir nazzjonali kien xandar filmalti quddiem il-Parlament meta dimostranti ndirizzaw lill-membri parlamentari tal-gvern bi kliem kontra l-korruzzjoni u biex jirriżenjaw.
Dak inhar kienu inġibdu filmati ta’ mumenti ta’ kommossjoni meta x’ħin ħareġ il-Ministru Owen Bonnici, xi dimostranti kienu daru madwar il-karozza tiegħu biex ma titlaqx, fost tisbit mal-karozza Ministerjali tiegħu.
Dakinhar il-protesta kienet bdiet ħdejn Kastilja bid-dimostranti jwaħħlu mal-bieb prinċipali ta’ Kastilja banner bil-messaġġ “Le għall-Korruzzjoni”. Charles Dalli kien qed jixhed quddiem l-Imħallef Wenzu Mintoff meta kompliet tinstema’ l-kawża li ġiet ippreżentata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u l-avukati Paul Borġ Olivier u Francis Żammit Dimech fejn minkejja l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment tal-PN rigward ċ-ċensura minn naħa tax-xandir nazzjonali, xorta saret kompliċi fiċ-ċensura mal-PBS dan għaliex naqset milli tagħti rimedju effettiv lil PN li ressaq l-ilment.
Ix-xandir nazzjonali kien naqas li juri filmati tal-kommossjoni li seħħet ġewwa u barra l-Parlament fuq x’seħħ wara l-vot biex issir inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li tilef ħajtu meta waqgħet binja fuqu f’Diċembru li għadda.
Dalli ittella’ jixhed mill-avukati tal-PBS stess biex jippreżenta xi “stills’ u “clips” ta’ aħbarijiet li jmorru lura sal-2008. Dan biex skont hu jikkonferma li f’każijiet simili ix-xandir nazzjonali dejjem kien konsistenti Madankollu meta x-xhud ġie mistoqsi mill-avukat Paul Borg Olivier fuq każijiet oħra, fuq il-fatt li kien hemm aħbarijiet oħra fosthom fuq il-kommossjoni rigward il-liġi tal-abbort, ix-xhud qal li ma jiftakarx.
Hawn iżda meta Borg Olivier fakkar lil Dalli kif TVM kien xandar kommossjoni dwar dak li kien seħħ fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici u ta’ meta dimostranti li jappoġġaw lill-eks President Amerikan Donald Trump kienu wettqu rvellijiet b’mod spontanju barra u ġewwa l-Kungress Amerikan huwa kkonferma dan kollu.
Muri l-provi dwar dan kollu mill-Avukat, Dalli kkonferma li verament kienu xxandru. Meta id-difiża tal-PBS dehret perplessa peress li dawn l-avvenimenti, Dr. Borg Olivier qal li hawn xorta qed nitkellmu fuq aħbar ta’ kommossjoni u li hu tajjeb għal aħbar huwa tajjeb għal oħra. Hawn l-avukat Borg Olivier irrimarka wkoll li dak li ppreżenta Dalli kienu “stills’ selettivi,
L-ewwel xhud fis-seduta tal-Ġimgħa kien Raymond Scicluna, l-iskirivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Huwa qal li dak inhar tal-istorbju li qam fil-Parlament ma kienx intalab xi permess biex jittieħdu xi filmati tas-seduta.
Tenna li l-proċedura hi li l-Kamra tibbaża fuq ordni permanenti 173 A fuq seduti li jridu jiġu mxandra u li dawn ikunu jridu jiġu verbaliżżati mill-whips tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, li dak inhar ma sarx. Qal li kif inqala l-istorbju l-ispeaker issospenda s-seduta għaxħadd ma jista’ juri d-diżapprovazzjoni tiehħu kontra l-vot. Kompla jgħid li kien hemm ħafna għajjat u hawn l-ispeaker qal lil dawk preżenti fl-istrangers gallery “jekk jogħobkom oħorġu l-barra”. Tenna li ikar minn regola din hija prassi li dejjem ġiet segwita.
“Minħabba li mhemxx regoli l-ipeaker kellu jippronunzja ruħu diversi drabi,” qal ix-xhud. Tenna ukoll li s-sospensjoni damet seba’ minuti bejn is-7.23pm u 7.30pm. Ix-xhud qal ukoll li ma hemmx regoli dwar l-użu tal-mobile fil-Parlament.
L-aħħar xhud kien Dr. Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-PN li kkonferma li huwa Direttur tal-kumpanija media link communications u li l-Editur tal-aħbarijiet reġistrat tal-kumpanja huwa Robert Cremona.
Skont l-Awtorità tax-Xandir, avolja l-PN ingħata r-raġun…il-Prim Ministru Robert Abela kien laħaq għamel u-turn u ordna li ssir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, u huwa għalhekk li dak li kien ġara barra l-Parlament u fil-Parlament – skont l-Awtorità – kien tilef il-valur. Il-każ se jkompli fis-17 ta’ Novembru, fin-12.30pm. Il-Professur Ian Refalo qed jidher għall-Awtorità tax-Xandir. Għal PBS qed jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo.
//= $special ?>