Lokali

L-ACE tappella lill-Gvern biex inaqqas ir-rata tal-VAT

L-industrija tal-catering f’pajjiżna kulma jmur mhux qed tibqa’ waħda sostenibbli. Għalhekk il-Gvern għandu jieħu azzjoni minnufih u jressaq miżuri li verament jgħinu lil dan is-settur – fosthom billi jnaqqas il-VAT.

Waqt laqgħa li l-Assoċjazzjoni tal-Istabilimenti tal-Catering kellha mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, l-ACE tkellmet dwar il-proposti li fasslu għall-Budget li se jitressaq ftit tal-jiem oħra. Fejn fost l-oħrajn qed jappellaw lill-Gvern biex inaqqas ir-rata tal-VAT. L-ACE uriet ukoll it-tħassib tagħha għall-fatt li din l-industrija m’għadhiex waħda sostenibbli.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar kemm huwa importanti li r-rata tal-VAT tonqos sabiex dan is-settur ikollu aktar għajnuna mill-Gvern. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputati Nazzjonalisti Mario deMarco, Ivan Bartolo u Jerome Caruana Cilia. Bernard Grech qal li l-interess tal-Partit Nazzjonalista huwa li pajjiżna jimxi ‘l quddiem u li n-negozji jirnexxu.

Bħalissa pajjiżna għandu ftit iktar minn 3,000 stabilliment f’dan is-settur li jħaddmu madwar 30,000 persuna.