Il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, ikkonfermat li qed tissepara minn ma’ Andrea Giambruno, is-sieħeb tagħha għal dawn l-aħħar snin u wara l-aħħar kontroversja f’sensiela ta’ ‘episodji skomdi’ li kienu jinvolvu lill-istess Giambruno.
Meloni ħabbret dan il-pass fuq il-medja soċjali, sigħat biss wara li l-programm satiriku televiżiv Striscia la Notizia xandar il-kummenti espliċiti li Giambruno – ġurnalista u preżentatur tal-programmi mal-Mediaset – kien għadda lill-kollegi nisa wara l-konklużjoni ta’ xandira.
Giorgia Meloni u Giambruno kienu ilhom flimkien kważi għaxar snin u għandhom tifla ta’ seba’ snin. Intant, il-problemi għal Giambruno laħqu l-qofol wara li l-programm ‘Striscia’ xandar kummenti mhumiex aċċettabbli tal-ġurnalista fil-konfront ta’ mara, bl-istess Giambruno jistaqsi lil kollega oħra jekk hi ‘kenitx f’relazzjoni ma’ xi ħadd’.
Hu anki jinstama jiftaħar dwar relazzjoni sigrieta li kellu ma’ mara oħra meta kien għadu ma’ Meloni u fejn qal li ‘l-istaff kollu tal-Mediaset kien jaf dwarha’.
F’ħin waqt ix-xandira, jinstama’ leħen qed isaqsi lil Giambruno dwar x’kellu jagħmel li kieku kienu qed jirrekordjawh ( waqt ‘Striscia’) u fejn il-ġurnalista wieġeb li ‘ma qal xejn ħażin u li kien qed jiċċajta off-air’.
Andrea Giambruno, fil-passat, kien għadda diversi kummenti pubbliċi insensittivi li urtaw lin-nies u meta f’każ minnhom, Meloni kienet qabżet għalih bil-kumment li hu kien ġie misinterpretat. Il-Prim Ministru an ki kienet talbet biex il-media ‘ma żżommhiex responsabbli għall-kummenti ta’ ġurnalist waqt il-qadi ta’ dmiru’.
//= $special ?>