Raġel ta’ 26 sena miċ-Ċad inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li f’perjodu ta’ tmint ijiem ikkommetta atti ta’ fastidju sesswali fil-konfront ta’ ħames nisa. Il-fastidju kien jikkonsisti billi huwa jmiss il-partijiet intimi tan-nisa.
In-nisa, tlieta Matlin u tnejn barranin, allegatament kienu vittmi ta’ dawn l-atti li seħħew kollha fil-lokalità tal-Imsida fejn huwa residenti l-akkużat. Fil-fatt huwa ġie akkużat li wettaq dan l-aġir fil-konfront ta’ erba’ minnhom li jgħixu fl-istess appartament fejn jgħix hu ġewwa l-Imsida.
Waħda mill-allegati vittmi għandha 16-il sena u hi l-unika waħda li ma tgħix fl-appartament fejn jgħix l-akkużat u l-allegati vittmi. Issa Adam Moursal li qal li jaħdem bħala fattiga wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Hu ġie mixli wkoll li ħebb għal missier ta’ waħda mill-allegati vittmi.
Moursal ġie mixli li fl-10 ta’ Ottubru għall-ħabta tat-8.15am wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens u li ssoġġetta mara ta’ nazzjonalità barranija għal xi att ta’ intimità fiżika. Ġie mixli wkoll li offenda l-pudur morali tagħha b’egħmil żieni li sar f’post pubbliku.
Ġie mixli wkoll bl-istess akkużi li wettaq fil-konfront ta’ mara Maltija fis-17 ta’ Ottubru li għadda għall-ħabta tal-3.50pm. liema reat seħħ f’appartament. Ġie mixli wkoll li ssekwesta wkoll lil mara u żammha kontra l-volontà tagħha, li ġiegħla tagħmel xi ħaġa li toffendi l-mistħija tas-sess tagħha. Ġie mixli wkoll li wettaq atti umiljanti u degradenti fil-konfront tal-istess persuna.
Moursal ġie akkużat ukoll li nhar l-Erbgħa, li għadda, fis-6.30am. wettaq atti ta’ natura sesswali fil-konfront ta’ mara Maltija u akkużi oħra relatati u li dak inhar stess, siegħa wara biss wara li wettaq dawn ir-reati għamel l-istess fil-konfront ta’ mara barranija.
Skont il-prosekuzzjoni żewġ nisa Maltin kienu suġġetti għall-istess atti fl-istess jum, waħda fl-4.30pm u dik ta’ 16-ilsena fil-4.50pm fejn fil-konfront tagħha ġie akkużat ukoll li se tintuża biża’ kontriha. Hu ġie mixli wkoll li mingħajr ħsieb li joqtol jew li jikkaġuna l-ħajja ta’ missier waħda mit-tfajliet, ikkaġunalu ħsara fil-ġisem tiegħu wara li ħebb għalih.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Mario Caruana qal li hu ma kienx se jagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Moursal minħabba n-natura tal-akkużi fejn joqgħod, il-vittmi għad iridu jixhdu u għalhekk ma kienx se jitlob għall-pleġġ.
Il-prosekuzzjoni qalet li fil-post hu kien jgħix mal-ħbieb tiegħu bil-Qorti tilqa’ t-talba biex tinħareġ ordni ta’ protrezzjoni fil-konfront tal-vittmi kollha. Huwa mifhum ukoll li waħda mill-allegati vittmi ħadet ritratt tal-akkużat li għaddietu lill-Pulizija. Il-każ kien investigat mill-Ispettur Eman Hayman li kien ukoll il-prosekutur fil-każ mgħejjun mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>