Lokali Saħħa

Nuqqas ta’ spiżjara fl-Isptar tal-Onkoloġija

Is-sitwazzjoni fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna qed tkompli sejra lura. Dan hekk kif in-nuqqas ta’ pjanar u azzjoni min-naħa tal-Gvern f’dan is-settur qed iwassal biex tiżdied il-pressjoni fuq il-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur kif ukoll fuq il-pazjenti nfushom.

Wara li għal dawn l-aħħar xhur ta’ kuljum bqajna nisimgħu bil-problema ta’ nuqqas ta’ mediċni u ta’ dewmien biex isiru ċerti operazzjonijiet, issa kien imiss li jintlaqtu wkoll dawk li jieħdu t-trattament tal-chemo. Dan hekk kif jidher li m’hemmx biżżejjed spiżjara speċjalizzati  biex ikunu jistgħu jħalltu l-kemoterapija li tingħata lill-pazjenti tal-kanċer.

Dwar dan in-nuqqas ta’ ħaddiema Net News staqsa lill-Ministru responsabbli mis-settur tas-saħħa Chris Fearne …illi fl-ebda ħin ma ċaħad li hemm nuqqas ta’ spiżjara biex iħalltu t-trattament tal-kimoterapija.

Dan l-istazzjon jinsab infurmat illi qabel kien hemm disa’ spiżjara li kienu speċjalizzati biex iħalltu l-kimoterapija, iżda dawn issa niżlu għal inqas minn sitta. Apparti dan, fis-snin preċedenti dawn il-persuni kienu jintbagħtu fi sptar f’Londra għat-taħriġ imma jidher li dan m’għadux isir.

Dawn il-ħaddiema issa jinsabu verament imħassba dwar din is-sitwazzjoni hekk kif qed ħossuhom injorati u x-xogħol tagħhom mhux qed ikun apprezzat tant li qed ikollhom jaħdmu sigħat ħafna itwal.

U agħar minn hekk dan kollu qed iħalli impatt anke fuq il-pazjent li qed jispiċċa jistenna iżjed biex jingħata l-kura li għandu bżonn – kura li hija kruċjali għal saħħtu.